Lokali

“Is-sitwazzjoni fil-PBS hija vera inkwetanti” – Ben Camille

"Il-kwalità li għandu joffri l-istazzjon nazzjonali mhux dik li qed tasal għan il-pubbliku"

“Is-sitwazzjoni bħalissa hija vera inkwetanti u tad-dwejjaq.” Hekk stqarr il-preżentatur Ben Camille, li fl-aħħar jiem tefa’ dawl fuq dak li għaddej fl-istazzjon nazzjonali.

“Inħoss li s-sitwazzjoni bħalissa hija vera inkwetanti… u tad-dwejjaq. Dal-aħħar qrajt l-artiklu li kiteb il-preżentatur Mark Lawrence Zammit u vera weġġajt b’dak li qal… u din il-ħaġa tħassibni u tweġġgħani”.

F’podcast mal-preżentatriċi Trudy Kerr, Ben Camille tkellem fuq dak li kiteb Mark Lawrence Zammit li kien qed ikollu divesi ndħil min-naħa tat-tmexxija tal-PBS fuq il-kontenut tal-programm li kien jippreżenta.

Huwa qal li wieħed mill-pilastri tad-demokrazija huwa l-ġurnaliżmu… iżda jidher li ma tantx qed issir ħidma mill-Gvern f’dan ir-rigward.

“Nitkellmu ħafna dwar demokrazija u dwar il-pilastri ta’ pajjiżna… il-Pulizija, il-Qrati u l-media.. u rrid ngħid li qed isiru affarijiet fejn jidħlu l-Pulizija u l-Qrati… iżda fejn tidħol il-media jidher li mhux qed isir kważi xejn. Il-media hija l-mod kif il-pubbliku jirċievi l-informazzjoni u f’dawn ir-rigward jidher li ma tantx qed isiru affarijiet. “

Ben Camille tkellem ukoll dwar kif ħafna persuni li jaħdmu l-PBS huma appuntati politikament.

“Il-persuni li jaħdmu l-PBS huma appuntati politikament u meta jkollok dawn it-tip ta’ pożizzjonijiet, ikollok responsabbiltà kbira. Iżda meta persuna tkun magħżula bla dubju li jkun hemm obbligu lejn dawn il-persuni. “

Huwa żied jgħid li l-pubbliku għandu dritt li jkollu kwalità ta’ xandir tajjeb.

“Il-kwalità li għandu joffri l-istazzjon nazzjonali mhux dik li qed tasal għan il-pubbliku.”