Lokali

L-Air Malta ssellem liċ-Chief Pilot tagħha

Wara karriera ta’ erba’ deċennji fil-qasam tal-avjazzjoni u 21,600 siegħa ta’ titjir, iċ-Chief Pilot tal-Air Malta, il-Kaptan Joe Maniscalco, rtira. Huwa kien responsabbli għall-ekwipaġġ tat-titjira tal-linja tal-ajru, il-manwali tal-policies u l-proċeduri, u t-tmexxija ta’ kuljum tal-operat tat-titjir tal-linja tal-ajru.

Wara li tajjar l-aħħar titjira tiegħu, il-Kaptan Maniscalco ġie milqugħ miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David G. Curmi li feraħlu għallkarriera tiegħu. Filwaqt li rringrazzjah tal-lealtà u s-servizzi tiegħu lejn il-Linja tal-Ajru s-Sur Curmi qal, “Il-Kaptan Maniscalco ngħaqad ftit snin wara li nfetħet l-Air Malta bħala skrivan aljev. Huwa baqa’ javvanza fil-karriera tiegħu biex eventwalment beda jmexxi l-bdoti tagħna. F’isem l-Air Malta u l-impjegati tagħha, nirringrazzja lill-Kaptan Maniscalco għall-kontribut, il-lealtà, it-tmexxija u l-passjoni li wera lejn il-linja tal-ajru kif wkoll nawguralu perjodu tant mistħoqq ta’ rtirar mimli kuntentizza.”

Fil-kummenti tiegħu l-Kaptan Maniscalco qal “Ix-xogħol ta’ bdot huwa wieħed ta’ sodisfazzjon iżda fl-istess ħin diffiċli. Aħna ngħaddu minn ħafna taħriġ u kontrolli ta’ profiċjenza, u npoġġu s-sikurezza bħala lakbar prijorità. Kull titjira hija unika, bil-kundizzjonijiet tat-temp, il-proċeduri tal-ajruport partikolari, l-ajruplan, l-ekwipaġġ u l-passiġġieri.” Hu żied jgħid, “Matul il-karriera tiegħi fil-qasam tal-avjazzjoni, dejjem ħassejtni moħħi mistrieħ li warajja hemm tim mill-aqwa tal-Air Malta abbord u dan kollu grazzi għall-ekwipaġġ professjonali tagħna. Meta nħares lura lejn dawn is-snin kollha jiġu quddiem għajnejja bosta memorji sbieħ li se nibqa’ ngħożżhom. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-maniġment u lill-impjegati fl-Uffiċċju Prinċipali tal-kumpanija għall-għajnuna tagħhom matul il-mandat tiegħi bħala Chief Pilot. Kienet xi
ħaġa ta’ pjaċir li naħdem mal-Air Malta u nara klijenti ssodisfati bittitjira tagħhom.”

Il-Kaptan Maniscalco ngħaqad mal-Air Malta f’Novembru 1979 bħala skrivan aljev. Seba’ snin wara nħolqot opportunità interna għall-impjegati biex jiksbu liċenzja ta’ bdoti kummerċjali. Huwa ntgħażel u beda t-taħriġ tiegħu f’Perth, l-Iskozja. It-taħriġ fit-titjir tiegħu baqa’ għaddej u kiseb klassifikazzjoni tat-tip fuq l-Boeing 737-200. Sentejn wara, f’Lulju 1990, huwa kiseb ukoll il-klassifikazzjoni tat-tip tiegħu fuq Airbus A320 f’Toulouse, Franza. Dak iż-żmien l-Air Malta kienet waħda mill-ewwel linji tal-ajru li bdiet tuża dan l-ajruplan modern mgħammar b’sistemi ta’ kontroll tat-titjir bl-elettriku. Pass ewlieni fil-karriera tiegħu kien meta mexxa l-ewwel titjira bħala Kaptan tiegħu f’Ġunju 1995. Huwa nħatar Chief Pilot f’Awwissu 2018.