L-ebda attivita’ bilwieqfa sal-aħħar t’Awwissu f’pajjiżna… minkejja li l-każi naqqsu u minkejja li dawn l-attivitajiet qed isiru f’pajjiżi oħrajn.
Din l-istrategija kienet imhabbra mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne waqt konferenza li saret il-Ħamis filgħodu…fejn saħaq li d-diskussjonijiet dwar l-attivitajiet bilwieqfa ser ikunu qed isiru fl-aħħar tax-xahar.
Mistoqsi ripetutament dwar dawn l-attivitajiet, Fearne saħaq li dawn mhux ser isiru għalissa minħabba l-fatt li f’dawn l-attivitajiet wieħed ma jistax iżomm id-distanza soċjali.
B’rabta ma’ dan l-Industrija tad-Divertiment u l-Arti esprimiet dispjaċir għall-fatt li din l-industrija qed tibqa’ tiġi ddiskriminata. Huma stqarrew li mhux biss din l-industrija hija l-unika industrija fejn kemm il-klijent kif ukoll l-istaff jirrikjedi ċ-ċertifikat tal-vaċċin iżda huma l-unika industrija li spiċċat ‘il-ħaruf tas-sagrifiċċju’.
L-industrija tad-Divertiment u l-Arti fost l-oħrajn talbet lill-Gvern għal road map sal-aħħar tas-sena, sapport finanzjarju għal dawk l-operaturi li mhux qed jaħdmu minħabba dawn ir-restrizzjonijiet, skema ta’ kumpens għall-attivitajiet li għall-darb’oħra jeħtieġ li jiġu kkanċellati u skema ta’ kumpens għas-siġġijiet vojta fit-teatri u ċ-ċinema sabiex tindirizza l-limitazzjonijiet infurzati fuq il-kapaċità ta’ nies bilqiegħda.
Intant…waqt il-konferenza ta’ filghodu tħabbru ukoll rilaxx ta’ miżuri; fosthom li attivitajiet bilqiegħda ser jitilgħu għall-300 persuna mis-16 t’Awwissu biex imbagħad jiżdiedu għall-500 ruħ fit-30 t’Awwissu. Għall-dawn l-attivitajiet jistgħu jattendu biss persuni li huma mlaqqma kompletament u għandhom ċertifikat tal-vaċċin.
Dwar l-istudenti tal-Ingliż, il-Professur Charmaine Gauci stqarret li f’pajjiżna ġew irreġistrati mas-700 każ. Hija qalet li ladarba dawn l-istudenti li jaslu f’pajjiżna jkunu mlaqqmin, dawn l-iskejjel jistgħu joperaw.
Fearne fakkar li jekk dawn il-miżuri jirriżultaw f’żieda ta’ każi, dawn il-miżuri jistgħu jerġgħu’ jirritornaw għal kif kienu oriġinarjament.
//= $special ?>