Edukazzjoni Lokali

L-MUT toġġezzjona għad-deċiżjoni li grupp kbir ta’ għalliema se jintbagħtu f’postijiet differenti

Fl-aħħar jiem l-Union tal-Għalliema, l-MUT irċeviet informazzjoni li l-Ministeru tal-Edukazzjoni kien qed jikkunsidra li jagħmel ċaqliq kbir fost l-għalliema tal-Higher Secondary Giovanni Curmi.

L-MUT immedjatament oġġezzjonat għal din il-proposta u għalhekk qed tistenna li l-Ministeru jibdel il-pożizzjoni tiegħu dwar dan iċ-ċaqliq.

Iżda informazzjoni miksuba mill-istess MUT jindika li l-għalliema tal-Higher Secondary kienu msejħa biex javżawhom dwar dan iċ-ċaqliq. Dan kollu f’tenetattiv biex il-Ministeru jimmina l-ħidma fl-istituzzjonijiet post-sekondarji.

Wara li ttieħdet id-deċiżjoni li jitneħħa l-programm ALP+, li jieħu ħsieb studenti ta’ wara s-16-il sena fl-ALP, il-Ministeru issa qed jerġa’ jċaqlaq għalliema mill-Higher Secondary għal skejjel oħra, li huwa b’mod ċar daqqa ta’ ħarta lill-għalliema, lill-iskola u lis-servizz eċċellenti pprovdut lill-istudenti għal ħafna snin.

L-MUT tkompli tgħid li l-iskuża li qed tintuża mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, jiġifieri li l-għalliema huma meħtieġa jimlew postijiet vakanti fi skejjel oħra, tikkonferma li mhux vera li l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema hija taħt kontroll. Minflok, il-Ministeru qed iżarma l-iskejjel post-sekondarji biex l-għalliema jerġgħu jiġu impjegati x’i mkien ieħor.

Quddiem dan kollu, l-MUT qed toġġezzjona bil-qawwa li tittieħed din id-deċiżjoni, u se żżomm lill-membri tagħha aġġornati bl-aħħar żviluppi.