Lokali

“Niltaqgħu ma’ kulħadd biex pajjiżna niksbulu normalità u jerġa’ jsir rispettabbli” – Bernard Grech

“Se niltaqgħu ma kulħadd, biex il-Partit Nazzjonalista jifformula dokument biex lil dan il-pajjiż mill-ġdid niksbulu normalità u jerġa’ jsir pajjiż rispettabbli.” – Hekk saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu t-tieni, fil-Mellieħa.

Bernard Grech kien qed jispjega kif il-PN ħoloq grupp ta’ persuni li se jkun immexxi minn Emma Portelli Bonnici biex bħala partit jiltaqgħu mal-istakeholders kollha biex jisma’ r-rakomandazzjonijiet, jistudja u jkunu jista’ jissġġerihom biex jiżdiedu mar-rakomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport konklussiv tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-PN fakkar kif ir-rapport tal-inkjesta, minbarra li qal x’sar ħazin, qal ukoll li l-kabinett tal-Gvern Laburista huwa kollu responsabbli għall-arja ta’ impunita li wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bernard Grech spjega kif dan ir-rapport qalilna wkoll kif il-pajjiż tagħna jista’ jimxi ‘l quddiem. Hu saħaq li hemm bżonn li nieħdu kull rakomandazzjoni li tawna l-imħallfin li kienu inkarigati mill-inkjesta pubblika: “Aħna lesti nieħdu dawn ir-rakomandazzjonijiet, għax aħna għandna fiduċja fihom. Għandna lista, li irridu nimplimentaw, u aħna bħala partit qed ngħidu li rridu nimplimentaw kollox.” Bernard Grech qal li apparti dan, il-PN diġa saħaq li hemm bżonn il-ħolqien ta’ kumitat parlamentari li jkompli jifhem kif jista’ jimplimenta kull rakomandazzjoni li saret, mill-aktar fis possibbli.

Waqt din l-attività fil-Mellieħa tkellmet ukoll Emma Portelli Bonnici, fejn sellmet lil Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha li sabu l-kuraġġ biex ikomplu bix-xogħol tagħha, kif ukoll lis-soċjetà ċivili għall-irwol importanti li huma għandhom għal-libertà u d-demokrazija. Bonnici Portelli spjegat kif il-PN irid li jmur oltrè sabiex meta jkun fil-Gvern iwettaq u jdaħħal fis-seħħ it-tibdiliet neċessarji għall-ġid ta’ pajjiżna.

Meta kien qed iweġeb aktar mistoqsijiet, il-Kap tal-PN qal li mhux veru li Robert Abela għandu għal qalbu l-ġid ta’ pajjiżna għaliex mal-ewwel test li kellu biex juri li tgħallem il-lezzjoni mill-inkjesta pubblika falla. Dan wara li fuq rakkomandazzjoni tal-Gvern stess, l-Ispeaker tal-Kamra ma aċċettax il-mozzjoni ta’ sfiduċja li l-Oppożizzjoni ressqet dwar il-Ministru Edward Zammit Lewis. Dan meta issa ħareġ biċ-ċar kemm kellu ħbiberija ma’ Yorgen Fenech meta kien magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u meta ddieħak bil-votanti Laburisti stess u għajjarhom bi kliem ta’ disprezz, u allura għandu jġorr ir-responsabbiltà politika u jirriżenja. “Jekk Robert Abela verament irid li joħroġna mil-lista l-griża li daħħalna fiha jrid jgħid lil Zammit Lewis biex jitlaq, u jekk ma jagħmiliex, mhux vera li għandu għal qalbu lin-nies u jħobb lil pajjiżna.”

Bernard Grech kien mistoqsi wkoll dwar is-Saħħa Mentali u l-proposta tal-PN li jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali. Il-Kap tal-PN spjega kif wara l-proposti tal-PN, il-Gvern iddeċieda li jgħid li se jibni dan l-isptar fis-sena 2026, turija ċara li qed ikun reattiv anke f’settur daqstant importanti għal pajjiżna.

Matul l-attività fuq format ta’ mistoqsija u tweġiba, il-Kap tal-PN wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar diversi suġġetti oħrajn fosthom ix-xandir nazzjonali, l-NGOs, il-biedja u l-enerġija fost l-oħrajn fejn kompla jispjega l-viżjoni tal-PN għal Malta.