Lokali

“Rispett lejn ir-residenti” – appell komuni mill-Ġiljaniżi fi protesta fi Spinola

“Rispett lejn ir-residenti.”

Dan kien l-appell tal-Ġiljanizi lill-awtoritajiet… għaż-żammha tal-ordni f’San Ġiljan, b’mod partikolari fiz-zona ta’ Spinola u tal-Balluta. Il-protesta ttellat fiz-zona ta’ Spinola.

Ir-residenti flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ingħaqdu b’għan komuni biex flimkien jitolbu għal aktar ordni fit-toroq ta’ San Ġiljan, b’residenti jilmentaw li f’waqtiet it-toroq qed iservu ta’ latrini, isiru street parties bla permess tard bil-lejl u kmieni filgħodu, għajjat u storbju b’nies ikantaw b’karozzi jdoqqu mużika għolja, ipparkjar quddiem garaxxijiet u slipways, serq mid-dgħajjes u mill-karozzi.

Dawn kienu ftit mill-ħafna sfidi li l-Ġiljaniżi elenkaw, b’appell u messaġġ b’saħħtu wkoll mis-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg biex il-pulizija jingħataw aktar għajnuna biex ikunu jistgħu jżommu l-ordni.  

Is-Sindku ta’ San Ġiljan qal li l-problema ilha fuq ir-residenti u bħalha Kunsill ilhom is-snin jappellaw biex ir-residenti jingħataw ir-rispett.

Appella wkoll biex ir-residenti jingħaqdu aktar u aktar flimkien biex l-illegalitajiet ikunu rrappurati u biex il-pulizija u r-residenti jkunu forċina ta’ xulxin. 

Huwa kompla li f’isem il-Kunsill kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija, b’appell għal żammha tal-ordni biex il-liġi tkun infurzata fuq kulħadd, u mhux ikun hemm liġi għal uħud, u liġi oħra għar-residenti.

Albert Buttigieg għalaq b’appell li San Ġiljan hija l-lokalita li mhux biss hija ta’ dawk li jżuruha, iżda hija aktar u aktar tal-Ġiljaniżi li jħobbu b’qalb kbira lil din il-lokalità.