Lokali Qorti

Sena ħabs wara li ammetta li ttraffika d-droga

Raġel li ġie arrestat f’Paceville fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga ġie kundannat sena ħabs wara li ammetta akkużi relatati. L-Ispettur Steven Ryan Micallef akkuża lil Ibrahim Abdalla Musah ta’ 36 sena mill-Ghana li ttraffika l-kannabis, li kellu pussess tad-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba għall-użu personali tiegħu, pusses ta’ kokaina u pussess ta’ ecstasy.

Huwa ġie akkużat ukoll li kellu “sustanza psikoattiva ġdida” u li wettaq dawn ir-reati sa 100 metru minn post fejn iż-żgħażagħ jinġabru u jiltaqgħu. L-Ispettur qal li 22 gramma kannabis instabu fuq il-persuna tal-akkużat. Wara l-arrest tiegħu, instabu wkoll messaġġi inkriminanti fuq il-mobajl tiegħu, li jindikaw li kien qed jiltaqa’ ma’ nies biex ibiegħu d-droga lilhom f’postijiet frekwentati miż-żgħażagħ.

L-ispettur qal li l-akkużi saru aggravati mill-viċinanza tiegħu għal dawn il-postijiet. Madankollu, huwa qal, id-drogi l-oħra nstabu f’ammonti li jindikaw li kienu maħsuba biss għall-użu personali ta’ Musah. L-akkużat, li qal lill-qorti li jgħix f’Buġibba u jaqla’ l-għixien tiegħu bħala electrician u plumber, wieġeb ħati.

Il-Maġistrat Astrid May Grima, li ippresediet il-każ, qalet lill-avukat difensur Daniel Attard biex jispjega lill-akkużat li jista’ jiffaċċja l-ħabs jekk iwieġeb ħati tal-akkużi. Wara konsultazzjoni mal-avukat barra l-awla għal diversi minuti, l-akkużat irritorna u xorta wieġeb ħati.

Wara li tagħtu iktar ħin biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu, l-akkużat ikkonferma l-ammissjoni ta’ ħtija. Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, Attard qal li r-raġel kien ilu jgħix Malta mill-2011, u kien qed jgħix f’xelter tal-homeless ma’ martu u wliedu, peress li kien waqa’ fi żminijiet diffiċli minħabba COVID-19.

Musah għandu kondotta nadifa, qal l-avukat, u argumenta wkoll li l-ammont ta’ droga kien negliġibbli u kellha valur fit-triq ta’ madwar €300. “Fil-Ghana huwa kien fittex għajnuna għat-tipjip tal-marijuana u kien lest jissottometti ruħu għal trattament f’Malta wkoll,” qal l-avukat. Il-qorti, wara li rtirat fis-sigrieta tagħha u ddeliberat għal xi żmien, ikkundannat lir-raġel għal sena ħabs u mmultatu €200.