Lokali

Team Start b’messaġġ lil Robert Abela u lill-Ispeaker tal-Parlament

“Kulħadd għandu jaħdem lejl u nhar biex noħorġu mill-greylist. L-ewwel pass għandu jkun li l-Ministru tal-Ġustizzja jitneħħa mill-kariga, iżda Robert Abela u Anglu Farrugia jippreferu jgawdu s-sajf milli jiddiskutu l-mozzjoni ta’ sfiduċja tal-Partit Nazzjonalista.” – Kien dan il-messaġġ ta’ Team Start li inġabru barra l-bini tal-Parlament biex iwasslu l-appell tagħhom lil Gvern ta’ Robert Abela.

Team Start fakkru kif il-PN u Bernard Grech qed jaħdmu bla waqfien biex pajjiżna jerġa’ jikseb ir-reputazzjoni tajba li kellu. Fost l-oħrajn, bil-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Edward Zammit Lewis wara li kienet żvelata  relazzjoni mill-qrib ma’ Yorgen Fenech meta diġa kien magħruf li hu sid il-kumpanija 17 Black li kellha tgħaddi 5,000 Ewro kuljum lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Iż-żgħażagħ mill-fergħa Team Start tal-PN qalu li Robert Abela u l-Ispeaker tal-Parlament iridu joħduha bil-kalma, qed jgħidu li mhux urġenti u jridu jieħdu vaganza minn xogħolom. “Waqt li huma qegħdin fuq vaganza, aħna qegħdin fuq il-lista l-griża, minflokk jaraw li jerfgħu r-responsabiltà qegħdin vaganza u għalhekk aħna armajna d-deckchairs imma ma naħsibx li se jiġu għal vaganza hawn.” qalu Team Start fil-messaġġ tagħhom.

Intant, Team Start spjegaw kif l-greylist tal-FATF qed jaffetwa l-futur tal-istudenti, u għall-inġustizzja tal-Ministri tal-Labour qed iħallsu l-istudenti u ż-żgħażagħ. Huma qalu li bħala żgħażagħ ma jistgħux jieħdu vaganza minn dan il-fatt, u aħna “ma nistgħux nistennew biex nitneħħew minn fuq il-greylist.”