Lokali

“Xi ħaġa li se tieħu ż-żmien” – Miriam Dalli dwar il-qtugħ tad-dawl

Il-Ministru tal-Enerġija spjegat li bħalissa għaddejin minn 'heatwave' u hemm iktar pressjoni fuq is-sistema tad-dawl

Marsa, partijiet ta’ Ħal Qormi, iż-Żejtun, Santa Luċija, partijiet mill-Gudja u anke Marsaskala – dawn huma biss ftit mil-lokalitajiet li matul il-lejl li għadda reġgħu spiċċaw bla dawl. F’xi postijiet bħal Wied il-Għajn, sas-6am id-dawl kien għadu ma ġiex. F’lokalitajiet oħrajn, id-dawl baqa’ ma’ ġiex sa tard wara nofsinhar, sigħat twal mingħajr elettriku. F’postijiet oħra, il-provvista inqatgħet biss għal ftit minuti, u meta reġa’ ġie id-dawl ħafna esperjenzaw ħsarat fl-appliances tagħhom. Żoni oħrajn f’Malta fosthom fil-Belt Valletta kienu mingħajr dawl matul il-jum tal-Ħamis sa minn kmieni filgħodu.

Affaċjata bid-domandi tal-ġurnalisti, il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli saħqet li l-problema ġejja mid-distribuzzjoni u li għad m’hemmx idea ċara dwar meta l-Ġżejjer Maltin se joħorġu minn din is-sitwazzjoni. Fil-kummenti tagħha il-Ministru qalet li din hi “xi ħaġa li se tieħu ż-żmien” biex tiġi solvuta. Dalli qalet li talbet lill-Enemalta biex joħolqu pjan biex din il-problema tiġi interessata.

Bla dubju ta’ xejn li din is-sitwazzjoni – jum wara l-ieħor – qed toħloq frustrazzjoni enormi fir-residenti li qed jispiċċaw fid-dlam u fi sħana tremenda. Fuq il-media soċjali, persuna li toqgħod il-Gudja kitbet li dan il-qtugħ kollu juri li l-proġett tat-tanker tal-gass “seta’ ma sar xejn”. Oħra esprimiet il-frustrazzjoni tagħha billi sempliċiment kitbet “imisshom jistħu”.

L-Enemalta minn naħa tagħha qed tgħid li “iż-żieda qawwija fid-domanda li kellna f’dawn il-ġimgħat, u b’mod partikolari t-temperaturi għoljin, ikkawżaw ħsarat fuq is-sistema tal-low voltage.” Kien għalhekk li f’xi żoni tpoġġew generators ħalli jħaddmu s-sub-stations. Meta staqsejna dwar l-istqarrija tal-Enemalta li qalu li d-dawl qed jinqata’ minħabba s-sħana, Miriam Dalli qalet li bħalissa għaddejin minn ‘heatwave’ u hemm iktar pressjoni fuq is-sistema tad-dawl.