Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi appella lill-poplu tiegħu biex jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 u biex huma jirrispettaw ir-regoli intiżi lejn it-trażżin u l-firxa tal-coronavirus u l-varjanti. L-appell jimpenja biex il-persuni li huma xettiċi għall-vaċċin jieħdu l-protezzjoni xierqa fid-dawl tal-pandemija, bit-tama li jissaħħaħ il-kunċett tal-herd immunity.
Sadanittant, Draghi qed jistenna li ‘l-ekonomija tal-Italja titjieb’ fil-ġimgħat li jmiss wara li ġarrbet l-effetti negattivi tal-pandemija. Għaldaqstant hu wassal il-messaġġ li ‘it-Taljani jkunu f’sitwazzjoni aħjar jekk kemm-il darba jitlaqqmu u jikkooperaw mar-regoli fl-aħjar interessi tas-saħħa pubblika’.
Draghi spjega l-ħtieġa li jsir minn kollox biex il-pandemija ma taqlibx għall-aħjar, bl-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu ferm attenti għall-iżviluppi li jmiss, bl-istaġun tal-ħarifa kapaċi tintroduċi ‘realtà’ ġdida fl-Italja u l-bqija tal-Ewropa.
Il-Prim Ministru, intant, spjega li ħadd ma jaf jekk il-miżuri tas-sigurtà li qed jittieħdu jkunux biżżejjed meta kollox qed isir fuq il-bażi tal-provi u d-data miġbura s’issa b’konnessjoni mal-pandemija.
Il-Ministeru tas-Saħħa Taljan ikkonferma li l-Italja rreġistrat mas-7,300 każ ġdid tal-Covid f’perjodu ta’ 24 siegħa u sa tard matul il-lejl tal-Ħamis – b’27 ta’ dawn il-morda jitilfu ħajjiethom. L-Italja, intant, ikkonfermat 128,163 imwiet mill-coronavirus u meta hemm qrib it-300 morda bil-Covid li qed jinżammu fit-taqsimiet tal-isptar għall-pazjenti fil-ħtieġa ta’ kura intensiva.
Sadanittant, ir-Renju Unit qed iħejji biex jimplimenta r-regoli ġodda ta’ kwarantina meta eluf ta’ Britanniċi li siefru għall-btajjel qed jagħmlu l-almu biex jirritornaw lura d-dar qabel ir-regoli jidħlu fis-seħħ uffiċjalment.
Il-bidliet fil-listi ta’ kulur ‘aħdar’, ‘aħmar’ u ‘ambjr’ – li jissimbolizzaw il-livell ta’ periklu mill-Covid – għandhom japplikaw minn kmieni l-Ħadd għan-nies li jirritornaw fl-Ingilterra, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Sar magħruf, issa li l-Messiku, il-Ġorġja, La Reunion u Mayotte se jiffurmaw parti mil-lista l-ħamra – u li jfisser li n-nies li jirritornaw fir-Renju Unit minn dawn id-destinazzjonijiet, mill-Ħadd ikunu jridu jqattgħu għaxart ijiem f’lukanda taħt kwarantina.