Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Yoshihide Suga, fl-aħħar sigħat, attenda servizz ta’ tifkira relatat mas-76 anniversarju tal-attakki bil-bombi atomiċi fuq l-ibliet ta’ Hiroshima u Nagasaki….Attakki storiċi li, fl-1945, kienu għenu mhux ftit lejn il-konklużjoni tat-Tieni Gwerra Dinjija.
L-attakki kienu tmexxew mill-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti li użaw il-bomba atomika għall-ewwel darba fuq iċ-ċivili f’Hiroshima. Il-bomba – imlaqqma ‘Little Boy’ – kienet qerdet għal kollox din il-belt, bi 80,000 ċivili ( li dak iż-żmien kienu jirrappreżentaw mat-30 fil-mija tal-popolazzjoni) jitilfu ħajjithom minnufih.
Sal-aħħar tal-1945 kien ikkalkulat li l-vittmi tal-attakk laħqu żdiedu għal 140,000, b’eluf oħra jmisshom l-istess destin b’kaġun tal-effetti tar-radjazzjoni mill-bombi.
Tlett ijiem wara l-attakk fuq Hiroshima – fid-9 ta’ Awwissu tal-1945 – l-Istati Uniti tefgħet tieni bomba atomika (imlaqqma ‘Fat Man’) fuq Nagasaki. L-attakk ħalla 74,000 mejtin, b’40 fil-mija ta’ Nagasaki tinqered għal kollox.
Sitt ijiem wara, il-Ġappun ċeda lill-Alleati – fost il-konferma tat-tmiem tat-Tieni Gwerra.
Intant, il-Ġappuniżi (illum anzjani) li salvaw mill-attakki u qrabathom fakkru dan l-anniversarju b’minuta ta’ silenzju. Dan meta l-Ġappuniżi li għexu mill-impatt devastanti tal-attakki atomiċi għadhom sallum jeħtieġu t-trattament mediku,
Il-Prim Ministru Suga issa qal li l-Gvern tiegħu se jkompli jgħin lil dawn l-imġarrbin, bis-Sindku ta’ Hiroshima jinsisti biex il-pajjiżi kollha jaħdmu flimkien lejn il-projbizzjoni totali tal-armamenti nukleari.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,António Guterres, wiegħed li n-NU se tibqa’ impenjata bis-sħiħ lejn ‘ir-realizzazzjoni ta’ dinja ħielsa mill-armi atomiċi’
//= $special ?>