Lokali

Il-komunità ta’ Ħal Lija magħquda għall-Festa tas-Salvatur

Kemm hu sabiħ tara l-komunità magħquda, minkejja r-restrizzjonijiet, f’festa oħra li tgħaqqad lir-residenti tal-lokalità … u fil-Festa tas-Salvatur, f’Ħal Lija, huwa partikolarment sabiħ tara liż-żgħażagħ igawdu s-sabiħ tal-ħajja fis-Sajf tipiku Malti.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li qatta’ n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu iżur lin-nies ta’ Ħal Lija, hekk kif fis-6 ta’ Awwissu tkun iċċelebrata l-Festa tas-Salvatur.

Fi tmiem il-Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna, Bernard Grech żar is-sede tas-Soċjetà Mużikali San Pio X, fejn iltaqa’ mal-Kumitat u anke ffirma l-Ktieb tal-Viżitaturi.

Matul iż-żjara, hu faħħar l-impenn taż-żgħażagħ li sal-lum għadhom jaraw li l-kultura mużikali tibqa’ ħajja fil-lokalitajiet tagħna. Dan filwaqt li rringrazzja lil dawk li huma anqas żgħażagħ u li jaraw li jrawmu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda ħalli din il-passjoni tibqa’ għaddejja għal kemm jista’ jkun snin.

Minn hemm, hu żar il-Każin tal-futbol ta’ Lija Athletics, fejn il-membri tal-Kumitat spjegawlu l-ħidma li qed jagħmlu biex iħejju lit-tim għall-istaġun tal-futbol li jmiss. Hawn, Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu qal li sehem klabbs bħal dan hu importanti biex naraw li nibqgħu ngħixu ħajja sana fl-isport.

Aktar tard, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll is-Soċjetà Sant’Andrija, fejn ingħata informazzjoni dwar din l-eqdem Soċjetà mwaqqfa f’Ħal Lija. Anke hawn, Bernard Grech innota l-impenn tas-Soċjetà biex il-kultura tibqa’ b’saħħitha fis-soċjetà tal-lum fejn kull wieħed u waħda minna għandu ħafna xi jtellfu.

Akkumpanjat mis-Sindku, membri tal-Kumitat Sezzjonali u Kandidati għall-elezzjoni ġenerali, fil-postijiet li żar, kien evidenti l-entużjażmu fost dawk li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li min-naħa tiegħu awguralhom l-isbaħ xewqat għal din il-Festa.