Internazzjonali

In-nirien fl-Ewropa: Evakwazzjonijiet fost emerġenza fil-Greċja…bi problemi anki għat-Turkija u l-Maċedonja ta’ Fuq

L-awtoritajiet fil-Greċja evakwaw numru kbir ta’ residenti mis-subborgi lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Ateni wara li l-irwiefen iġġeneraw nirien kbar li nfirxu madwar iz-zoni ta’ foresta fil-periferija tal-kapitali.

Qed tbati l-istess kriżi l-gżira ta’ Evia, lejn il-lvant tal-Greċja ċentrali, bl-aħħar rapporti jsostnu li eluf ta’ ċittadini spiċċaw jabbandunaw djarhom fil-madwar ta’ Ateni, b’mijiet oħra jitilqu minn Evia bid-dgħajjes. Fl-aħħar sigħat, intant, laħaq inġema ‘mantell’ griż u enormi ta’ sħab fuq il-kapitali Griega.

Mistennija aktar irwiefen li kapaċi jaqilbu s-sitwazzjoni tan-nirien għall-agħar – u meta numru ta’ ‘firefighters’ minn Franza, l-Iżvizzera, l-Iżvezja, Ċipru u r-Rumanija qegħdin jgħinu lill-Griegi biex ilaħħqu mal-emerġenza.

Sadanittant, nirien simili qegħdin jaqbdu wkoll fil-Maċedonja ta’ Fuq u fil-lbiċ tat-Turkija.  Fil-fatt, il-Maċeedonja ta’ Fuq iddikjarat stat ta’ emerġenza, b’nirien oħra jiżbruffaw fl-Albanija u l-Bulgarija – ġirien tal-Balkani.

Hu minnu li n-nirien kienu ilhom jinfirxu f’dan ir-reġjun mill-aħħar jiem ta’ Lulju, bil-Greċja tidher li qed tbati l-akbar impatt tal-iżviluppi.

Dan meta nirien kbar li qabdu f’daqqa f’Varybobi – subborg fin-naħa ta’ fuq ta’ Ateni – komplew jinfirxu lejn zoni oħra viċin il-Muntanja Parnitha.

Intant, ir-residenti fl-inħawi ta’ Vothonas u Marathon kienu avżati biex ifittxu artijiet eqreb tal-kosta – fost l-avvanzi tan-nirien feroċi tul diversi fronti.

In-nirien laħqu qerdu l-għexieren tad-djar u waqt li ma kenux irrappurtati mejtin, l-isptarijiet xorta mtlew bin-nies li ġarrbu l-ħruq serju.

Il-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, ħeġġeġ ‘biex in-nies li għadhom jiddubitaw fil-bidliet tal-klima jmorru l-Greċja u jaraw b’għajnejhom l-intensità tal-fenomenu ( tan-nirien) fl-inħawi’. Dan meta l-bidliet fil-klima jżidu l-possibbiltà ta’ temp sħun estrem bil-kapaċità li jixpruna l-wildfires.

Il-mewġa tas-sħana fir-reġjun anki kontribwiet għall-aktar nirien intensiva qalb il-foresti tat-Turkija u li fihom mietu talanqas għaxra – b’mijiet jindarbu u b’eluf ta’ residenti u turisti jkunu kostretti li jaħarbu mill-inħawi taħt periklu.

Il-fjammi ħakmu kompletament il-foresti fil-provinċja ta’ Mugla – li tinkludi r-resort of Marmaris — bil-kritiċi jakkużaw lill-Gvern tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan b’li ma ppreparax għal diżastru fuq skala hekk kbira.

U waqt li Erdogan fisser dawn in-nirien bħala ‘l-agħar fl-istorja tat-Turkija’, il-kritiċi insistew li r-reazzjoni tal-awtoritajiet Torok kienet ‘kajmana’ fiċ-ċirkustanzi u li l-iskwadri għall-emerġenzi lokali kienu nieqsa mir-riżorsi meħtieġa għal din l-emerġenza.