Lokali

Is-Simpożju tal-Ispeaker jispiċċa jitħassar

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ħabbar li simpożju tiegħu fejn eks speakers kienu se jiltaqgħu fis-Sala tal-Parlament bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru l-mitt sena anniversarju tal-Parlament Malti, kellu jitħassar. Dan wara li numru ta’ speakers predeċessuri tiegħu informawh li ma kinux se jattendu.

Dan is-simpożju kellu jixxandar b’mod dirett fuq TVM u l-istazzjon televiżiv tal-Parlament, iżda kollox kellu jisfaxxa wara l-pressjoni li saret fl-aħħar jiem fuq Anglu Farrugia. Dan ukoll fid-dawl tal-mozzjoni ta’ sfiduċja li tressqet fil-Ministru Edward Zammit Lewis, u li fi kliem il-Gvern u l-Ispeaker ma kinitx ta’ urġenza.

Fil-fatt, erba’ eks Speakers il-bieraħ kitbu lill-Speaker biex jinfurmawh li huma ma kienux ser jieħdu sehem f’dan is-simpożju tal-Ispeakers kien ser jiġi organizzat it-Tlieta 10 ta’ Awwissu fl-okkażjoni tal-100 sena tal-Parlament Malti.

Alfred Bonnici, Lawrence Gonzi, Anton Tabone u Louis Galea kitbu lill-Speaker u informawh li “wara riflessjoni qbilna li fiċ-ċirkostanzi attwali li għaddej minnhom il-pajjiż ma nħossux li huwa opportun li l-Parlament jiddedika l-ħin tiegħu fuq ċerimonja bħal din meta l-pajjiż qed jaffaċċja aġenda ta’ materji ħafna aktar importanti u urġenti.”