Lokali

L-Enemalta tgħid li aktar ħsarat fis-sistema tad-dawl huma inevitabbli

Huwa inevitabbli li jkun hemm ħsarat fin-network…jekk hawn xi ħadd li għandu aspettazzjoni li l-interuzzjonijiet se jiġu zero…sejjer żball.

Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ Enemalta Jason Vella f’konferenza tal-aħbarijiet l-għada li diversi persuni esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku fejn uħud damu saħansitra mas-16-il siegħa sabiex jerġa’ jiġihom id-dawl.

Vella spjega li sal-5 ta’ Awwissu d-domanda għal elettriku laħqet livelli rekord ta’ 565 megawatt u għalhekk huwa insista li l-ħsarat li żviluppaw fl-aħħar jiem partikolarment f’Wied il-Għajn, Naxxar u Mosta kienu tort tas-shana.

Izda mistoqsi mill-ġurnalisti x’wassal għal dan kollu, Jason Vella ma kienx kapaċi jwieġeb bi preċiż.

Hu spjega li Enemalta ħarġet numru ta’ generators sabiex jagħtu s-servizz lura lill-klijenti .. għalkemm ammetta li ma kienx possibbli li jitpogga generator kullimkien – ammissjoni tal-limitazzjonijiet li għandha l-Enemalta taħt Gvern Laburista.

Jason Vella ta’ x’jifhem li Enemalta ma kienetx preparata biżżejjed għall-mewġa ta’ sħana ….u meta kien mistoqsi x’kien jiġri kieku dan is-sajf it-turiżmu kien qabad ġmielu, ma kienx kapaċi jwieġeb.

Filwaqt li spjega li l-akbar ammont ta’ ħsarat żviluppaw f’zoni residenzjali, meta kien mistoqsi minn Net News jekk hux se jingħata kumpens lill-persuni affettwati għall-ammont ta’ ħsarat fl-appliances kif ukoll f’ikel mormi mill-freazers …..Jason Vella saħaq li min iħoss li ġarrab xi ħsarat riżultat tad-dawl jista’ jagħmel claim imma mkien ma qal li jista jintalab kumpens ghall inkonvenjent li garbu n-numru kbir ta’ familji u negozji… bil-partit nazzjonalista jghid li dan il-kumpens ghandu jkun ikkunsidrat immedjatament.

Fl-isfond tad-dikjarazzjonijiet li għamlet il-Ministru Miriam Dalli, li l-Enemalta jinħtieġ tfassal pjan u toffri soluzzjoni – Jason Vella insista li diġà kien hemm pjan….iżda ammetta li nkixfu n-nuqqassijiet. Hu insista li ma jistgħux joqgħodu jsiru xogħlijiet kullimkien biex jiċċekkaw is-sistema.

Intant, filwaqt li l-Enemalta saħqet li għamlet dak kollu possibli, il-kumpanija skużat ruħha mal-klijenti tagħha.

Dan, minkejja l-pompożita tal-Gvern Laburista fl-aħħar 8 snin …. b’wegħdiet frivoli sa minn Ġunju tal-2013.

Illum li jinsabu fl-2021 u bir-raba Ministru Laburista tal-Enerġija…il-poplu għadu qed jistenna pjan….u soluzzjoni biex ma nibqgħux nispiċċaw fid-dlam u l-qtugħ ta’ nifs f’nofs sajf qalil ieħor.