Lokali

Omelija fis-17-il anniversarju mill-mewt tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

L-Eċċellenzza Tiegħu il-Monsinjur Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex –

Hawn ħafna familji fis-Santwarju, u naħseb li lkoll kemm intom, forsi sal-ġurnata tal-lum stess, ġieli jkollkom l-esperjenza li tkunu sejrin id-dar għall-ikel u t-tifel jew it-tifla jibdew jgħajtu għax jixtiequ ġelat jew xi ħaġa oħra, u int jidhirlek li dak il-ħin mhux l-aħjar mument li jieklu l-ġelat. Għaliex? Għax imbagħad titlef l-ikla li hi wisq aħjar mill-ġelat. Ħalli mbagħad wara jkun hemm ħin għall-ġelat.

U din it-tifla teqred, u t-tifel igerger, isabbat saqajh u jibda jibki, jibda jwerżaq fil-karozza; imma inti, għax taf x’inhu l-aħjar ġid ta’ dak tifel, ta’ dik it-tifla, tibqa’ sejra. U dak it-tifel illum, għalkemm forsi nesa dik l-esperjenza u issa matur, jekk għandu l-kapaċità li jissaporti xi ftit u ma jridx jagħmel f’daqqa dak li jiġih f’moħħu, dan grazzi għal dawk l-episodji żgħar li inti llum insejt u hu wkoll nesa.

Il-ħajja tagħna tixbah ħafna lil ta’ dak it-tifel, ta’ dik it-tifla. Kultant ingergru. Smajnieh l- Ewwel Qari (Eż 16:2-4,12-15): il-poplu ta’ Alla fid-deżert kien tgergira waħda. Igerger għax m’għandux ħobż, igerger għax m’għandux laħam, igerger għax m’għandux ilma, igerger għax l-Eġittu kien qiegħed aħjar… U aħna mhux hekk ukoll? Ingergru għax is-sħana, ingergru għax il-ksieħ, ingergru għax il-Covid… U forsi jkollna xi ftit raġun ingergru. Il-biċċa qiegħda hawn: taħt dak it-tgergir tagħna hemm it-talba: ‘Mulej, idħol għalina. Mulej, agħmel li nkunu aħjar milli aħna. Mulej, solvilna l-problemi tagħna’.

Hemm talba taħt it-tgergir tagħna, u llum fil-Vanġelu (Ġw 6:24-35) Ġesù jirrispondina għal dan it-tgergir tagħna, jekk aħna qgħadna attenti, jekk aħna nemmnu tassew li jrid jagħtina risposta vera għal kull tgergira tagħna. Fejn qiegħda r-risposta? Għax għandna bżonnha din ir-risposta, għax nixtiequ kieku ngħixu aħjar, fis-sens li ma jkollniex għalfejn ingergru; li nkunu fil-paċi, għax nixtequha din il-paċi. Ġesù llum jixtieq jagħthielna din il-paċi.

Għadu kif qalilna: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja” – ‘Jien huwa dak li tixtiequ fil-ħajja tagħkom’. ‘Ġesù, jiena nixtieq infiq’… mhux lil Ġesù. ‘Ġesù, jiena nixtieq li ssolvili l-problema tar-relazzjoni’… mhux lil Ġesù. ‘Ġesù, jien nixtieq li ssolvili l-problema li għandi fuq ix-xogħol’… mhux lil Ġesù. Le, sejjer żbaljat. Ġesù huwa s-soluzzjoni ta’ dawk il-problemi. Il-mod ta’ kif iħares Ġesù lejn dik ir-realtà jista’ jgħin lilek taffronta b’serenità kull diffikultà li inti għandek fil-ħajja.

Dun Mikiel Attard kien dan il-bniedem. Ser ngħid tliet affarijiet żgħar fuqu fil-qosor ħafna…

L-ewwel u qabel kollox kien bniedem integru, awtentiku, bniedem ta’ veru. Meta tarah u tisimgħu, m’għandekx dubju x’inti tara jew x’inti tisma’. Ma tistax taħseb u tgħid: ‘Imma għalfejn qed jgħid hekk? Imma fejn irid jasal?’. M’għandekx ċans. Għax dak li tara kien Dun Mikiel! Dak li jgħid kien Dun Mikiel! Raġel integru, għaliex kien ħaġa waħda ma’ Alla.
Jiena ġieli kont narah, niftakru sew. Jagħmel parti mill-esperjenza tal-vokazzjoni tiegħi, kif jagħmel parti mill-esperjenza tal-vokazzjoni ta’ ħafna saċerdoti oħra Għawdxin u anki Maltin. Kont narah lil Dun Mikiel, li qabel jgħid kelma kien jieqaf ftit, u jiena ċert li dak il-ħin kien jistaqsi: ‘Imma kieku Ġesù kif kien jirrispondi? Imma Ġesù kieku kif kien jaħsibha?
Imma Ġesù x’kien jgħid?’. Dak kien Dun Mikiel: bniedem integru, bniedem li taf fejn int miegħu, bniedem trasparenti li minnu tara l-Vanġelu, fih tidher il-Kelma ta’ Alla.

Tidher f’wiċċu, tidher f’ġismu, tidher fi kliemu, tidher f’għemilu, fl-emozzjonijiet tiegħu, fil-mod ta’ kif kien iġib ruħu.
It-tieni punt fuq Dun Mikiel: kien bniedem mal-bnedmin. Kien bniedem li kien kapaċi jkellem u jitkellem ma’ kulħadd, jisma’ lil kulħadd miż-żgħir sal-kbir. U meta ngħidu l-kbir, mhux biss fl-età imma saħansitra politiċi, saħansitra nies li għandom il-poter, isqfijiet, kardinali. Dun Mikiel kien kapaċi jisma’ u jitkellem ma’ kulħadd. Għax kellu s-sempliċità ta’
bniedem li jitkellem, kien jistma lill-kbir daqs iż-żgħir, liż-żgħir daqs il-kbir. Kulħadd għandu dinjità. Id-dinjità ma tiġix skont id-degrees, id-dinjità ma tiġix skont kemm għandek kontijiet il-bank, id-dinjità ma tiġix skont kemm għandek poter. Id-dinjità tiġi għax int l-iben ta’ Alla.

U din Dun Mikiel kien jgħixha. Meta kont tiltaqa’ miegħu – u hawn minnkom hawnhekk li għandhom l-esperjenza ta’ dak li qed ngħid – kont tħoss li d-dinja kollha issa m’għadhiex aktar importanti. Int sirt l-aktar importanti għal Dun Mikiel. Lanqas hu nnifsu, l-anqas l-uġigħ tiegħu, lanqas il-problemi tiegħu, imma int sirt l-aktar importanti għal Dun Mikiel.

Mela Dun Mikiel kien bniedem integru għax kien ħaġa waħda ma’ Alla. Dun Mikiel kien bniedem tal-bnedmin għax kien kapaċi jikkomunika u jirrelata ma’ kulħadd. Imma fuq kollox Dun Mikiel kien bniedem tal-batut. Min jaf kemm sema’ tbatija Dun Mikiel! Min jaf kemm ġarr tbatija ta’ nies f’qalbu Dun Mikiel! Min jaf kemm nies sabu l-mistrieħ meta kellhom iċ-ċans li jaqsmu t-tbatija tagħhom, id-diffikultà tagħhom, tal-moħħ, tal-qalb jew tal-ġisem, ma’
dan is-saċerdot qaddis!

Nixtieq li llejla nitolbu ’l-Mulej biex jagħtina ftit minn dan l-ispirtu ta’ Dun Mikiel. Kieku jkollna niġbru kollox f’kelma waħda, inħoss li Dun Mikiel nistgħu niddefenuh bħala l-bniedem li dejjem fittex li jagħmel dak li jixtieq Alla, il-bniedem li kontinwament f’ħajtu fittex jagħmel dan, għax fehem li Alla hu r-risposta. Mhux għax kien obbligat, mhux għax xi
ħadd ordnalu, mhux għax hemm il-Kmandamenti, imma għax fehem li Alla hu r-risposta tat-tgergir tal-bniedem. Alla hu r-risposta tax-xewqat profondi tagħna li mbagħad iġagħluna ma nkunux sew, iġagħluna ngergru, iġagħluna nixtiequ nkunu aħjar.

Dun Mikiel fehem li t-tgergir tagħna, ix-xewqa tagħna, it-talba profonda tal-bniedem issib risposta f’Alla biss.