Ambjent Lokali

Il-mewġa ta’ sħana qed tikkomprometti l-prodott Malti

Is-sħana qawwija li bħalissa qed taffettwa lill-poplu Malti u Għawdxi kollha…  qed tħalli wkoll l-effett tagħha fuq il-bdiewa Maltin.  Kawża ta’ din is-sħana eċċessiva, il-bidwi Malti qed jaffaċċja ħafna ħsarat li qed jaffettwaw il-kwantità u l-kwalità tal-prodott Malti.

Tkellimna ma’ Malcolm Borg, Koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi illi spjegalna eżatt dak li għaddej minnu s-settur tal-biedja bħalissa.

“Qegħdin naraw ħafna ħsarat li qed jikkompromettu l-prodott kemm fil-kwantinà kif ukoll fil-kwalità u allulra r-riżultat finali huwa li l-bidwi u l-prodott tiegħu qed jaqla’ inqas flus kemm għax għandu inqas xi jbigħ u anke minħabba li dak li għandi xi jbigħ jista’ jkun li jkun iddemiġjat bit-temperaturi għoljin.”   

Diversi bdiewa qed jirraportaw ħsarat konsiderevoli fir-raba’ tagħhom fi frott u ħaxix differenti li jvarjaw minn żebbuġ sa dwieli.

Huwa semma fost l-oħrajn kif din is-sħana qed taffettwa wkoll l-produzzjoni tat-tadam… hekk kif il-pjanta tat-tadam ma felħitx għal din is-sħana qawwija… u spiċċat tinħaraq

“Sfortunatmanet it-tadam li bħalissa jinqata’ huwa tadam tal-ipproċessar li nagħmlu l-kunserva u prodotti oħra bih u allura l-isfortina hi li ħa jkollna inqas tadam biex nipproċessaw din is-sena.

Filfatt diversi bdiewa li jkabbru t-tadam qed jikkalkulaw li tilfu madwar terz tal-prodotti tagħhom dan l-istaġun kawża tal-heatwave li esperjenzajna. Dan fost biża’ li se jkompli jitilfu iktar prodotti kawża ta’ din il-mewġa ta’ sħana.

Ma jonqosx ukoll li din is-sħana taffettwa wkoll il-ħidma tal-bidwi Malti hekk kif dan ta’ kuljum iqatta’ ammont ta’ sigħat f’xemx qawwija sabiex l-Maltin ikollhom l-aqwa prodotti ta’ frott u ħxejjex.

“Diġà s-settur tal-biedja u l-bdiewa anke meta jkun hemm sitwazzjoni ideali u temp ideali wkoll huwa diffiċli…. ħinijiet twal, etc… però meta wieħed iżid ma’ dan kollu s-sħana kbira li hemm tagħmel kważi dan ix-xogħol impossibbli f’dawn il-ġranet speċjalment fil-ħinijiet ta’ waranofsinhar.

Malcolm Borg ma naqasx milli jappella lill-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex jirrikonoxxi u japprezza l-ħidma li ssir mill-bdiewa Maltin.