Tasal daqqa oħra fuq pajjiżna kawża tal-grey listing mill-FATF. L-aġenzija tar-ratings Moody’s bidlet it-tbassir ta’ pajjiżna minn wieħed stabbli għal dak negattiv.
Fl-aħħar aġġornament li tat din l-aġenżija, qalet li l-fatturi prinċipali li waslu għal dan kienu l-piż tad-dejn tal-Gvern, il-greylisting mill-FATF u r-riskji marbuta mal-irkupru tas-settur turistiku.
Iżda għal darb’oħra l-Prim Ministru għażel li jagħlaq għajnejh quddiem dan kollu u fi tweet għażel li jinjora kompletament dan it-tbassir li qed isir mill-Moody’s…. fejn huwa għażel biss li jikkwota dak li jaqbel lilu.

Moody’s żiedet tgħid li huwa improbabbli li jkun hemm aġġornament fir-rating ta’ Malta kawża tal-prospetti negattivi li hemm bħallisa fuq pajjiżna.
Madankollu, Moody’s tikkunsidra li tbiddel dan it-tbassir jekk is-settur tat-turiżmu jkollu rkupru iktar b’saħħtu u sostnut, ikun hemm irkupru ekonomiku ġenerali u titjib mgħaġġel fil-finanzi pubbliċi mill-2022 ‘il quddiem.
Min-naħa l-oħra, Moody’s tikkunsidra li tnaqqas il-klassifikazzjonijiet ta’ Malta jekk l-andament tal-pandemija u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma jippermettux irkupru sostenibbli tal-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna.
Hija wissiet ukoll li jekk Malta tibqa’ fuq il-lista l-griża sal-aħħar tal-2022 dan se jwassal biex tiżdied il-pressjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ pajjiżna peress li dan se jkun qed ikabbar ir-riskju għall-ekonomija u s-settur bankarju… b’dan kollu jitfa’ dwal fuq id-dgħufija tal-istituzzjonijiet.
//= $special ?>
