“Il-Ministru Edward Zammit Lewis qed jilgħab il-logħba tal-ma nafx – iżda issa anke Ġaħan qed jifhem dak li ħareġ mill-Bord tal-Inkjesta… u jeħtieġ li jekk Zammit Lewis ma jitlaqx minn jheddu, mela Robert Abela għandu jkeċċih.”
Dan hu dak li qal l-Editorjal tat-Times of Malta tas-Sibt fejn ta ħarsa lejn is-saga ta’ Edward Zammit Lewis hekk kif fl-aħħar sigħat komplew jiġu żvelati aktar chats li għaddew bejn Zammit Lewis u s-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech – chats illi jikkonfermaw il-qrubija li kien hemm bejn dawn iż-żewġ personaġġi bejn Jannar u Settembru tal-2019, meta kien diġà magħruf li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black. B’rapporti indikaw li f’wieħed mill-messaġġi, Zammit Lewis jgħid lil Yorgen Fenech “Qed nimmisjak ħafna”.
L-Editorjal tat-Times ifakkar li meta Edward Zammit Lewis kien mistoqsi mill-ġurnalisti fl-aħħar jiem, wieġeb li hu jieħu biss id-direzzjoni mill-Partit Laburista. Bl-editorjal jistaqsi: seta’ kien hemm struzzjoni mill-Partit Laburista biex Zammit Lewis ikellem lil Fenech?
Tul din il-ġimgħa, affaċjat bid-domandi ta’ Net News, Edward Zammit Lewis ikkonferma li l-Prim Ministru Robert Abela ma talbux biex jirriżenja. B’Zammit Lewis ikkonferma li jitkellem b’mod regolari ma’ Robert Abela u għandhom relazzjoni tajba.
It-Times tinsistili għall-ġid tar-reputazzjoni ta’ Malta, Robert Abela ma jistax jibqa’ sieket, u għandu jkeċċi lil Edward Zammit Lewis. U qal li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar li Abela qed jagħżel li jipproteġi lil dawk ta’ madwaru, u mhux iwettaq dak li hu ġust u tajjeb.
L-editorjal jghid illi ma jistax ikollna Ministru tal-Ġustizzja, li jrid jagħmel riformi kbar biex noħorġu mid-dell ikrah li ninsabu fih bħala nazzjon, li għamel dawn l-affarjiet, u li kellu relazzjoni ma’ persuna li hu implikat fl-assassinju ta’ ġurnalista, u s-sid ta’ 17 Black.
//= $special ?>