Lokali

Id-Direttur tal-Ħabs jgħid li l-famuż siġġu tal-kastig jintuża “skont l-ordni tat-tabib”

Id-Direttur tal-Habs Alex Dalli qed jibqa’ jirreżisti li jagħtina intervista quddiem camera għax, skont hu, “trid timxi mal-protokolli”.

Fl-aħħar jiem, NET News iltaqa’ mad-Direttur fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda meta staqsejnih fejnha l-camera tal-Ħabs biex tirrekordja intervista, hu qalilna li se jkellimna bla cameras “għax hekk huma l-protokolli”. Miegħu kien hemm tliet persuni oħrajn.

Waqt li konna l-Ħabs, tlabna lil Alex Dalli jeħodna naraw il-famuż siġġu – li ħafna jirreferu għalih bħala “is-siġġu tat-tortura” jew “is-siġġu tal-kastig” – madankollu hu rrifjuta kategorikament. 

Ritratt editjat tas-siġġu tat-trażżin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Newsbook

Fl-istess waqt, iżda, insista li dan hu siġġu ‘mediku’, filwaqt li kkonfermalna li dan is-siġġu verament qed jintuża, u li qed jintuża “fuq ordni tat-tobba”.

Dalli deher skomdu ferm jitkellem dwar dan is-siġġu u minkejja li tlabnih għal darba darbtejn biex narawh, baqa’ jinsisti li dak kollu li kellu x’jgħid dwaru kien qalu, u baqa’ jirriffjuta li jieħodna narawh.

Staqsejna wkoll dwar l-inkwatru li kellu mdendel fl-uffiċċju tiegħu u li kien jgħid li “hu x-xogħol tagħna li ngħallmu l-biża”, b’Dalli jgħid li dan kien intiż biex iwassal messaġġ lill-Uffiċjali tiegħu. Iżda mistoqsi kienx qed iħeġġeġ lill-Uffiċjali jnisslu l-biża’ fost il-ħabsin, hu qal li ma riedx ifisser hekk.

Dalli tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ kura li jsir għall-ħabsin – b’mod partikolarti għal dawk bi problema ta’ droga – fejn qal li l-problema tad-drogi f’Kordin hi waħda konsiderevoli. Fil-fatt, hu tkellem  dwar ”mijiet ta’ priġunieri” li huma maħkuma mill-vizzju.

Id-diskors mar fuq l-aktar mewta riċenti ta’ priġuniera, dik ta’ omm żagħżugħa li tilfet ħajjitha wara li ppruvat tagħmel suiċidju fil-Faċilità. Il-mara kellha l-vizzju tad-droga u kienet qed titlob bil-ħniena lit-tmexxija tal-Ħabs sabiex tiddaħħal b’urġenza fi programm riabilitattiv.

Staqsejna lid-Direttur x’jiġri meta priġunier jagħmel talba simili, b’Dalli jgħid li dawn jintlaqgħu u jgħaddu quddiem Bord. Iżda dan il-Bord jara dawn it-tabliet darba biss f’xahar. Għalhekk, il-priġunier ikollu jibqa’ jistenna għal tul ta’ żmien … anke meta jkun każ urġenti bħal ma evidentement kien dan tal-aħħar