Lokali

Il-PN bi pjan ta’ tama li jħares fit-tul – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri pjan ta’ tama li jħares fit-tul, fosthom f’setturi bħall-Enerġija. Dan meta pajjiżna qed jitmexxa minn Gvern tad-dlam, kemm politikament, kif ukoll issa fiżikament.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq NET FM, fejn fakkar kif l-Enerġija kienet l-akbar wegħda tal-Partit Laburista qabel ma kien elett fil-Gvern u llum nafu li din kienet l-aktar ħaġa li falla fiha.

Bernard Grech qal li Robert Abela qed imexxi Gvern inkompetenti u li ma jippjanax għax – fl-Enerġija – suppost kellu jantiċipa li fis-Sajf ikun hemm talba akbar ta’ provvista. Hu għalhekk, qal, li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minnu se jkun qed jieħu ħsieb l-isfidi f’dan is-settur importanti.

Mistoqsi minn Graziella Attard Previ dwar il-ħbiberija kbira li l-Ministru Edward Zammit Lewis għandu mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan m’għandux ikun.

Bernard Grech tenna li Zammit Lewis m’għandux jibqa’ Ministru għax se jibqa’ mażżra ma’ għonq pajjiżna. Dan hekk kif kulmin iħares lejn Malta minn barra, qed jara li l-Gvern għadu ma tgħallem xejn. Dan għax hu ċar li kulħadd irid li pajjiżna jmur lura għan-normal, ħlief il-Partit Laburista u Robert Abela.

Dwar l-appell tal-eks Mexxej Laburista u llum il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, biex issir elezzjoni bikrija għax skont hu jispiċċa l-kliem dwar min hu skreditat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’elezzjoni bikrija ma jissolva xejn għax l-entitajiet internazzjonali xorta se jibqgħu jistennew li pajjiżna jaġixxi skont ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu.

Bernard Grech qal li l-greylisting ta’ pajjiżna sfortunatament wassal ukoll għal tbassir ekonomiku negattiv minn Moody’s. Hu għalhekk, sostna, li Gvern ġdid immexxi minnu jara li r-rating ta’ pajjiżna jiddawwar għal wieħed pożittiv u li jesprimi fiduċja f’pajjiżna.

F’dan ir-rigward, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li hu ċar li l-Gvern Laburista mhux jifhem l-importanza tal-greylisting. Tant hu hekk li kull ġurnata li persuni bħal Edward Zammit Lewis jinżammu fil-Kabinett, tfisser ġurnata oħra li fiha nuru li l-Gvern mhux jieħu l-passi meħtieġa.

Min-naħa l-oħra, għall-Partit immexxi minnu, il-prijorità hi Malta u Għawdex, il-Maltin u l-Għawdxin.

Dwar il-ħidma ma taqta’ xejn biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jiġġedded, Bernard Grech fakkar fl-impenn biex aktar persuni jersqu lejn il-Partit ħalli dak kollu li ssuġġerew l-Imħallfin fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jfittex jidħol fis-seħħ. Dan filwaqt li naraw li dak li seħħ, ma jerġa’ jseħħ qatt aktar.

U dwar il-pandemija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hi ħasra li min jorganizza l-attivitajiet kien imwiegħed li r-restrizzjonijiet se jitranġaw u laħqu bdew jinvestu biex fl-aħħar jiem baqgħu ddiżappuntati. Dan filwaqt li rrikonoxxa s-sagrifiċċji li ħafna għamlu u għadhom qed jagħmlu.