Lokali

“Il-Prim Ministru qed itini appoġġ sħiħ” – Edward Zammit Lewis

Il-Prim Ministru qed itini appoġġ sħiħ.

Hekk iddikjara l-Ministru Edward Zammit Lewis, li fl-2017 ma kienx irnexxielu jiġi elett, biex imbagħad daħal fil-Parlament grazzi għall-elezzjonijiet każwali.

F’intervista mal-gazzetta ILLUM, hu qal li jgawdi appogg b’sahhtu fit-8 Distrett, u li hafna jriduh jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni generali. L-istess elettorat li f’konversazzjoni fil-qrib ma’ Yorgen Fenech sejjaħlu “ġaħan”.

Il-Ministru Zammit Lewis kompla jitfa’ l-melħ fil-ferita meta, għall-mistoqsija dwar għaliex kien sejjaħ lil-Laburisti Ġaħan, qal li dan qalu b’sens ta’ diżappunt għax fl-2017 il-Laburisti ma kienux eleġġewh.

Fuq l-istess nota, messaġġ ġdid li kien żvelat f’dawn is-sigħat juri kif Zammit Lewis ikkritika lil-Laburisti aktar minn darba, għal din l-istess raġuni. Fil-fatt, fl-aħħar minn sensiela ta’ messaġġi żvelati, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza kiteb lil Yorgen Fenech li ma jħossux stmat u li l-injoranti Laburisti ma japprezzawhx.

Sadanittant, fl-intervista mal-ILLUM, hu mkien ma ċaħad il-kontenut tal-messaġġi li qed ikunu żvelati bejnu u l-imprenditur sid 17 Black, kif ukoll il-bniedem akkużat bil-kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn fost l-ohrajn kien qallu li jimmissjah u li qieghed f’qalbu.

Zammit Lewis saħanistra qal li min qed jirreferi għal din ir-relazzjoni intima tiegħu ma’ Yorgen Fenech qed jagħmel attentat ta’ assassinju fuq il-karattru tiegħu ‘għax ma jogħġbux ix-xogħol li qed jagħmel’.

Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza, li kien ikkritika l-Inkjesta Pubblika u pprova jpoġġi pressjoni fuq l-Imħallfin billi jikkritika l-fatt li ħadu aktar zmien milli xtaq hu, f’eku ta’ dak li qal ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, inisista li għandu l-appoġġ tal-Mexxej tiegħu.

Hu qal li Abela reġa’ tah l-appoġġ sħiħ tiegħu wara li fil-pubbliku ħarġu d-dettalji tal-qrubija tiegħu ma’ Yorgen Fenech – sinjal ċar li l-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li joħroġ għonqu għad-Deputati tiegħu li kellhom rabta mill-qrib mal-kriminali.

Eżatt kif għamel għal Rosianne Cutajar u eżatt kif għamel għal Carmelo Abela. Kontinwità għall-mod kif il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat għamel għal Konrad Mizzi u għal Keith Schembri.