Lokali

“L-għażla bejn il-verità u l-illużjoni hi f’idejn Robert Abela” – The Sunday Times

“L-għażla f’idejn Robert Abela”.

L-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta tal-lum jagħlaq propju b’dawn il-kelmiet, u jikkonferma kif qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Prim Ministru, illi fl-ahhar jiem baqa’ jiddeċiedi illi ma jiddeċidix.

L-editorjal jitkellem dwar il-fatt li pajjiżna bħalissa jinsab f’salib it-toroq. Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika u r-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet imħallfin, issa sta għall-Prim Ministru liema triq se jagħżel. Dik tal-bidla vera, jew dik tal-illużjoni.

L-editur jispjega li ż-żewġ toroq li għandu quddiemu Abela huma dik li ssawwar istituzzjonijiet indipendenti b’saħħithom biżżejjed li jkunu jistgħu verament jieħdu azzjoni effettiva kontra persuni fil-poter li jaġixxu ħażin,jew dik tar-retorika politika li issa xbajna nisimgħu.

L-ewwel triq twassal verament biex l-impunità qatt aktar ma jerġa’ jkollha ċ-ċans tinfierx bħal qarnita, kif iddeskrivew is-sitwazzjoni l-Imħallfin fuq il-Bord tal-Inkjesta, filwaqt li t-tieni triq, dik tar-retorika, li tiftaħar b’dak li għamlet, u li tibqa’ twiegħed  li se tiddiskuti u li se jsiru t-tibdiliet, tibqa’ tevita li tieħu azzjoni konkreta u tibqa’ tippreserva l-istatus quo.

Din it-triq mhijiex l-azzjoni deċiżiva li għandu bżonn pajjiżna bħalissa, u huwa propju għalhekk li jeħtieġ li titwaqqaf kummissjoni indipendenti u ta’ integrità, li verament tista’ jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord, li tagħmel proposti konkreti fuq bidliet fil-leġislazzjoni u sabiex jissaħħaħ il-ġurnaliżmu fost l-oħrajn.

L-editorjal jistaqsi x’se tkun it-triq li se jagħżel Abela issa – dik tal-verità jew dik tal-illużjoni.

Se jkun kuraġġuż biżżejjed li jeħles minn dawk l-untouchables fil-Gvern u fil-Partit Laburista… u li qed jibqgħu iggranfati mal-poter?

Se jagħmel sforz biex iwaqqaf in-nepotiżmu u l-użu tal-influenza tal-poter tal-Gvern li qed jgħerrqu lill-pajjiż? 

Jew se jerġa jaqa’ għar-retorika, għax jibża’ mill-ħsara li tista’ ssirlu lilu politikament?

X’futur se joħloq għal pajjiżna?  Wieħed fejn tkompli tirrenja l-impunità, jew wieħed fejn il-liġi tirrenja?

L-għazla, jgħid l-editorjal, hija f’idejn Robert Abela.