Lokali

Robert Abela fommu magħluq dwar Zammit Lewis u l-qtugħ tad-dawl

Jibqa’ jaħseb li min qed jisimgħu ma jafx x’inhu għaddej fil-pajjiż… u jibqa’ juża biss ir-retorika.

Fl-interevent tiegħu tal-Ħadd filgħodu – din id-darba permezz ta’ telefonata qasira – il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ dar għar-retorika u d-diskors partiġġjan u żamm bogħod mit-temi l-aktar jaħarqu li qed jiddominaw l-aħbarijiet.

Filfatt, filwaqt li għażel li jitkellem dwar l-Esplora u l-Port il-Kbir, il-Prim Ministru ma lissinx kelma waħda dwar il-kliem umiljanti u tal-mistħija li kiteb il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis fil-konfront tal-Laburisti jew dwar ir-relazzjoni intima bejn l-istess Ministru u l-imprenditur akkużat bil-kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u jekk dan l-aġir iħassbux. Aħseb w’ara kemm ikkundannah.

Lanqas ma għamel xi tip ta’ proposta – jew imqar referenza – dwar kif se jkun qed jieħu r-rakkomandazzjonijet tat-tliet Imħallfin li sawru l-Bord tal-Inkjesta Pubblika ħalli jkun żgurat li dak li seħħ fl-aħħar snin ma jerġax jiġri f’pajjiżna.

Minflok, hu ntefa’ juża lingwaġġ mgħobbi bil-partiġġjaniżmu u mimli botti.

Il-Prim Ministru għażel li jgħaddas rasu fir-ramel ukoll quddiem realtajiet oħra, fosthom kif dik li aktarx hi kkunsidrata bħala l-aktar korporazzjoni ta’ Credit Ratings ta’ reputazzjoni madwar id-dinja – Moody’s – irrevediet it-tbassir ekonomiku għal pajjiżna għal wieħed negattiv.

Fil-fatt, filwaqt li żammet ir-rating ta’ pajjiżna stabbli, Moody’s wissiet li l-irkupru ta’ pajjiżna jaf ikun wieħed batut, partikolarment minħabba l-piż tad-dejn tal-Gvern, kif ukoll kawża tal-greytlisting ta’ pajjiżna mill-FATF u d-daqqa fis-settur turistiku li ħa pajjiżna.

Iżda dwar dan, lanqas kelma minn Abela.

Il-Prim Ministru lanqas ma semma xejn dwar il-qtugħ kontinwu fil-provvista tal-elettriku li eluf ta’ familji qed ikollhom jissaportu tista’ tgħid ta’ kuljum. Madankollu, hu sostna li qed jaħdem biex il-Maltin ikunu jistgħu ‘ikomplu jgawdu u jiddevertu’.