Internazzjonali

COVID-19: L-estensjoni tal-‘health pass’ imposta xorta fi Franza minkejja l-protesti

L-estensjoni ta’ dokument – ‘health pass’ — kontroversjali intiż biex jillimita l-firxa tal-Covid-19 għadha kemm daħlet fis-seħħ fi Franza. Il-miżura qed issir ukoll bil-għan li  tinkoraġġixxi dejjem aktar nies biex jieħdu l-vaċċin kontra l-virus.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron ilu jiddefendi dan il-‘pass’ li ċ-ċittadini, minn issa ‘il quddiem, se jkollhom bżonnu biex jidħlu fiz-zoni riservati għall-pubbliku – u b’mod partikulari fil-kafeteriji, ir-ristoranti u ċ-ċentri kummerċjali.

Il-‘pass’ kien diġà rikjest għall-Franċiżi biex huma jidħlu fis-swimming pools, il-mużewijiet u n-nightclubs. Il-Gvern Franċiż anki ta ġimgħa żmien lin-negozji fil-pajjiż biex jadottaw ruħhom għall-estensjoni li għadha kemm saret effettiva.

Dan il-‘health pass’ jista’ ikun iġġenerat bħala QR code jekk kemm-il darba persuna tkun ħadet it-tilqima sħiħa kontra l-Covid-19. Il-‘health pass’ jista’ ikun iġġenerat ukoll bħala QR code jekk il-persuna speċifika tittestja negattiv fi żmien 72 siegħa jew f’każ fejn hi tkun fieqet ‘xi jiem qabel’ mill-Covid.

Il-Ministru tas-Saħħa Franċiż, Olivier Veran, waqt intervista lill-gazzetta Le Parisien, qal li ‘id-dokument (pass) u l-ispinta lill-programmi tat-tilqim għandhom jgħinu biex il-Franċiżi jevitaw il-curfews u l-lockdowns ġodda’.

Intant – u minkejja li l-ogħla qorti fi Franza kkonfermat liġi ġdida li tirrikjedi l-‘health pass’ għaċ-ċittadini – il-kritiċi qalu li l-pass ‘jabbuża l-libertajiet tal-individwi’ waqt li ‘jiddiskrimina kontra l-persuni li ma ngħatawx it-tilqima’.

Il-pjan għall-estensjoni tal-‘health pass’ fil-fatt wassal għal diversi dimostrazzjonijiet, b’madwar kwart ta’ miljun ruħ, fi tmiem il-ġimgħa, joħorġu jipprotestaw fit-toroq. Id-dimostranti ħarġu jimmarċjaw f’Pariġi, Toulon, Nizza u bliet oħrajn fejn inqalgħu wkoll xi konfronti bejn id-dimostranti u l-pulizija.

Sadanittant l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika li jirrapporta direttament lill-Parlament tar-Renju Unit żvela r-riżultati ta’ studju li juru tnaqqis fost il-Britanniċi li ‘mhumiex ċerti jew mhumiex lesti biex jieħdu t-tilqima kontra l-Covid.’

Fl-Iskozja, tneħħew il-miżuri kollha wara li ntemm ‘l-aħħar livell’ tar-restrizzjonijiet. Iżda filwaqt li spiċċat il-miżura ta’ social distancing f’ħafna bnadi, in-nies xorta huma meħtieġa li jilbsu l-maskri fiz-zoni riservati għall-pubbliku. Fil-fatt, is-Segretarju tas-Saħħa fl-Iskozja, Humza Yousaf, wissa li ‘il-virus għadu hemm’ u li n-nies iridu joqgħodu attenti xorta waħda.