Refuġjat minn Rwanda qatel qassis anzjan bid-daqqiet wara li l-istess qassis kien laqa’ lill-aggressur fil-komunità tiegħu. Ir-refuġjat, li għandu 40 sena, wettaq id-delitt f’Saint-Laurent-sur-Sèvre, lejn in-naħa t’isfel ta’ Nantes – bl-omiċidju jseħħ ftit xhur wara li r-raġel inħeles mill-ħabs fejn kien qed jiskonta l-priġunerija talli kien ta n-nar lill-katidral ta’ Nantes.
Il-vittma, Patri Olivier Maire, ta’ 60 sena, kien ta l-għajnuna kollha possibbli lir-refuġjat wara li dan tqiegħed taħt il-kontroll ġudizzjarju. Ingħad ukoll li r-refuġjat ammetta mal-ewwel dwar il-qtil wara li ċeda ruħu lill-pulizija.
Dan ir-refuġjat kien għadu qed jistenna proċess tal-qorti talli ta n-nar lill-katidral ta’ Nantes meta, f’Mejju, irnexxielu joħroġ mill-ħabs bi pleġġ. Intant, il-patri maqtul kien qabel li jaċċetta lir-refuġjat fi ħdan il-komunità tiegħu u fejn anki pprovdielu l-ikel u l-akkommodazzjoni.
Intant, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, esprima xokk dwar ir-reat u wassal ‘messaġġ ta’ appoġġ u solidarjetà lill-Kattoliċi kollha fi Franza’.
//= $special ?>