Lokali

Ġurnalisti jikkonfermaw l-indħil fil-PBS

Il-Gvern Laburista u x-Xandir Nazzjonali reġgħu saru biċċa waħda, u l-PBS qisu noticeboard tal-Lejber.

Hekk stqarrew numru ta’ ġurnalisti li tkellmu mat-Times bil-kundizzjoni tal-anonimità. Għaliex ovjament jibżgħu li jkunu imwarrba jekk xi ħadd jinduna li qed jikxfu dak li verament għaddej bħablissa fil-PBS.

Dawn il-ġurnalisti qalu li kull inizjattiva biex jinvestigaw stejjer qed tigi skoraġġita. Fi kliem sempliċi, qed jirrappurtaw biss l-istqarrijiet tal-Gvern – fil-veru sens tal-kelma, noticeboard ta’ Kastilja.

Meta sena u nofs ilu Robert Abela ħa t-tmexxija ta’ Kastilja f’idejh kien wiegħed terremot fix-Xandir Nazzjonali. Iżda ħadd ma kien qed jifhem li dan it-tibdil se jwassal biex il-PBS jinbidel f’magna ta’ propaganda u jkun il-vuċi tal-Lejber, kif spjegaw dawn il-ġurnalisti li tkellmu mat-Times fl-aħħar jiem.

L-istess sorsi spjegaw ukoll kif qed issir l-aġenda tal-aħbarijiet, u kif ċertu stejjer li jimbarazzaw lill-Gvern qed jiġu evitati. Dan apparti li ħadd mill-ġurnalisti ma kien ikkonsultat dwar l-istazzjon il-ġdid li se jintuża għall-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti.

Meta kien nieda dan l-istazzjon il-ġdid, iċ-Chairman tal-PBS kien qalilna li x-Xandir Nazzjonali hu imparzjali. Iżda l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tgħid li x-xandir pubbliku kien naqas mid-dover tiegħu ta’ imparzjalità meta ma kienx korrettament irraporta u tratta l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni li ġew żvelati b’riżultat ta’ ġurnaliżmu investigattiv.