Internazzjonali

Il-Greċja: In-nirien inkontrollabbli jwasslu għal eżodu mill-gżira ta’ Evia

L-agħar nirien għal snin qed ikomplu jaħkmu fit-territorji tal-Greċja u b’mod partikulari fuq il-gżira ta’ Evia. Is-sitwazzjoni f’Evia kienet qed tidher aktar allarmanti minn siegħa għall-oħra, tant li kellu jsir eżodu tar-residenti – fosthom diversi anzjani — li telqu bid-dgħajjes lejn iz-zoni anqas perikolużi.

Intant laqħu kienu evakwati ‘il fuq minn 2,000 persuna, bl-uffiċjali lokali jinsistu li l-awtoritajiet ikkonċernati ma bagħtux biżżejjed għajnuna lill-iskwadri li qed jikkumbattu kontra l-fjammi. Dan meta partijiet kbar tal-gżira ta’ Evia jidhru li sofrew qerda rreparabbli wara li nħakmu min-nirien.

Il-Greċja, bħalissa, għaddejja mill-akbar mewġa tas-sħana għal tletin sena – fost temperaturi li laħħqu mal-45 gradi Celsius. Fl-aħħar jiem, il-pajjiż kellu jġarrab l-effetti ta’ diversi nirien qalb foresta – għalkemm issa jidher li batta wieħed mill-akbar nirien li kien qabad f’subborg lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Ateni.

Intant, qed jiżdied il-potenzjal għal heatwaves regolari fuq dan il-livell u fost ir-riperkussjonijiet estremi minħabba l-bidliet fil-klima ġġenerati mill-attività industrijali u elementi oħra. Dan waqt li n-nixfa u sħana tisreġ huma  ‘ingredjenti perfetti’ għall-hekk-imsejħa ‘wildfires’.

Fis-sitwazzjoni ta’ Evia – gżira ewlenija lejn il-lvant ta’ Ateni – talanqas żewġ fronti ta’ nirien spiċċaw qerdu medda kbira ta’ art li kienet tinkludi diversi djar u stabbilimenti tan-negozju. Dan minkejja li l-iskwadri għal kontra n-nirien għamlu li setgħu biex jevitaw il-firxa tan-nirien fil-madwar tal-villaġġi fuq Evia.

Intant, is-sejħiet għall-għajnuna mir-residenti qed isiru dejjem aktar urġenti meta mhemm l-ebda sinjali li n-nirien qed ibattu.

Min-naħa tiegħu, Giannis Kontzias, is-sindku tal-muniċipalità of Istiaia lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Evia, qal li ‘l-isforzi biex isalvaw is-sitwazzjoni diġà swew għalxejn peress li z-zona nqerdet għal kollox’

U filwaqt li komplew l-appelli għal aktar għajnuna – fil-forma ta’ ajruplani u ħelikopters mgħammrin għall-water-bombing  — l-awtoritajiet għall-protezzjoni ċivili qalu li dawn l-ajruplani qed jiffaċċjaw id-diffikultajiet fiċ-ċirkostanzi; b’mod  partikulari minħabba l-viżibbiltà fqira kaġunata mid-dħaħen tan-nirien.