Ambjent Lokali

Il-PN jilqa’ l-aħbar li fondi Ewropej se jintużaw biex titnaqqas il-carbon footprint

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li fondi tal-Unjoni Ewropea se jintużaw għall-pannelli solari fuq karozzi tal-linja u dan bħala parti minn proġett pilota sabiex titnaqqas il-carbon footprint ta’ Malta.

Il-PN permezz ta’ stqarrija qal li jittama li din l-inizjattiva tkun ta’ suċċess u mhux bħal ma ġara wara li ntefqu €5.6miljun f’fondi Ewropej li ġew mormija ġo Għawdex  wara li sitt karozzi tal-linja li nxtraw għal €2 miljuni ntefgħu fi scrapyard u qatt ma ntużaw u €3.6 miljun oħra li suppost kellhom jintużaw għal Mużew Għawdxi li spiċċa ma sarx minħabba f’pika bejn Ministeri.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hekk kif id-dinja qed tiffaċċja emerġenza globali tal-klima, Malta għandha tkun minn ta’ quddiem biex turi kif deċiżjonijiet żgħar jista’ jkollhom impatt pożittiv kbir fuq il-benesseri tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll lill-Gvern biex jaġġorna lill-pubbliku dwar studju dwar il-fattibilità li jsir investiment fi flotta ta’ vetturi elettrici u li tamalgama magħha verżjoni ġdida tal-karozzi tal-linja l-qodma.