“Il-Ministru Byron Camilleri għadu mhux jifhem kemm is-sitwazzjoni fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin trid tiġi indirizzata immedjatament, wasalna f’sitwazzjoni fejn minbarra xejn inqas minn 11-il mewt ta’ detenut fil-ħabs, qed ikollna attentati ta’ suwiċidju b’mod regolari. Il-Ministru għadu mhux jifhem li t-tmexxija preżenti ta’ din il-faċilitá hija waħda inkompetenti u għandha titneħħa immedjatament. Is-sitwazzjoni issa ddeterjorat ħafna u minħabba din l-inkompetenza qed ibatu ħafna persuni. Għalhekk ir-responsabiltá taqa’ kollha kemm hi fuqu bħala l-ministru responsabbli.”
Kien dan il-qofol ta’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Darren Carabott u Graziella Galea.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif l-inkjesta li ħabbar il-Gvern Laburista lbieraħ ma tistax tkun imparzjali u kredibbli u aktar meta membru ta’ din l-inkjesta sal-bieraħ kienet membru tal-bord tal-Governanza tal-istess ħabs. Kunflitt ta’ interess mill-aktar ċar.
U għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jinsisti in-nuqqas ta’ fiduċja fit-tmexxija tal-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin. Il-ħabs huwa skandlu nazzjonali, fejn il-ħajja tan-nies saret ma tiswa xejn. Il-ħabsin saru sempliċiment numri bla dinjitá fejn saħansitra jitilfu ħajjithom.
Fiċ-ċirkostanzi u f’din is-sitwazzjoni li mhux aċċettabli, kif kien qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, Partit Nazzjonalista fil-Gvern jara li jkun hemm bidla fit- tmexxija tal-Faċilitá Korettiva ta’ Kordin bit-tneħħija tad-direttur preżenti.
Fl-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista nieda l-proposti tiegħu għall-ħabs. Disa’ inizjattivi biex tissokta d-diskussjoni li, jekk jiġu adottati, iwasslu għal tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ħabs f’Malta u għaldaqstant jinkisbu kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri; ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u l-impjegati; u s-serħan il-moħħ li s-sitwazzjoni hi kkontrollata.
Il-proposti li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista huma dawn:
- Estensjoni strutturali tal-faċilità attwali ta’ Kordin.
- Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji.
- Nipprovdu postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anki għal integrazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà.
- Nipprovdu trattament aktar xieraq lill-vittmi tal-vizzju tad-droga, ’l bogħod mis-CCF, similari għal ‘Prison Inmate Programme’ li tmexxi l-Caritas.
- Ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom.
- Indaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku li permezz tagħha l-priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fis-CCF; dan jgħodd ukoll għall-persuni miżmuma b’arrest preventiv.
- Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri, u tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-faċilità tas-CCF, anki għall-ġid ta’ dawk l-ulied.
- Inwettqu riforma tas-sistema tal-parole biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu li jagħmlu riabilitazzjoni u riforma.
- Niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanitá u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.