Lokali Qorti

Jerġa’ jispiċċa l-Qorti wara li allegatament ta fastidju lil ommu

Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Isla li fl-24 ta’ Mejju li għadda ġie mixli ta fastidju lil ommu u n-nanniet tiegħu meta kien ta’ spiss jitlobhom il-flus għad-droga, reġa’ tressaq il-Qorti mixli li kiser il-kundizzjonijiet wara li allegatament nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Awwissu ta fastidju lil ommu.

Madawar ġimgħa u nofs ilu Gilmour Flask, li joqgħod Tal-Pietà kien ingħata l-libertà proviżorja fuq il-każ ta’ Mejju u fil-ġranet ta’ qabel li minbarra li ta fastidju kien ġie mixli wkoll li kkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ ommu u n-nanniet tiegħu b’mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li huwa kien jitlob il-flus lil ommu u lin-nanniet minħabba l-vizzju tad-droga. Il-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, u dan fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jirraporta l-Għassa tal-Imsida kuljum, li jibqa’ d-dar bejn is-7.30pm u t-8.00am. li ma jersaqx lejn l-Isla, bil-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur ommu u n-nanniet għal perjodu ta’ erba’ snin.

Huwa ngħata l-pleġġ fuq garanzija personali ta’ €10,000. F’Mejju li għadda Flask kien ġie mixli wkoll li uża mobajl b’mod malinn u dan peress li b’dan l-apparat huwa hedded lit-tliet persuni. Huwa ġie mixli wkoll li sar reċediv. L-Ispettur Eman Hayman mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-għajnuna legali deher għall-akkużat.