36 xahar bogħod minn Pariġi 2024
Charles Camenzuli
L-Olimpijadi Tokjo2020 intemmu. Nimxi u naħseb fuq bosta mistoqsijiet li għalihom mhux dejjem insib risposta. Mistoqsijiet li f’dawn il-ġranet ħsibt fuqhom fil-mument li bdejt nanalizza l-aktar dwar dak li wettqu atleti Maltin f’Tokjo.
It-32 edizzjoni tal-Olimpijadi ntemmet f’mument meta kważi 50% tal-pajjiżi li ħadu sehem kellhom is-sodisfazzjon bir-rebħ ta’ midalja jew midalji. Issa l-mument li wieħed jirrifletti.
Minħabba t-theddida kontinwa tal-Covid-19 fil-kontinent Asjatiku għażilt li nfalli milli nkun Tokjo. Ma jfissix li ma kontx qed ngħix l-Olimpijadi. Anzi wisq naħseb li segwejt bil-wisq aktar. Kienu ġranet li wrew il-kobor tal-isport. Kienu ġranet ideali għal min għandu palat fin għall-isport.
Fenomenu San Marino
F’dan il-mument minn daqstant pajjiżi li għandhom ikunu l-għira għal bosta, il-ħsieb imur fuq dak li wettaq wieħed mill-iżgħar fost il-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. SAN MARINO u rebħ ta’ tliet midalji minn ħames atleti li kellhom. Midalja tal-bronż u midalja tal-fidda fl-isparar permezz ta’ Alessandra Perilli u Gian Marco Berti u midalja tal-bronż fil-lotta minn Myles Amine Mularoni. Għax nafhom fuq livell personali ħassejt is-sodisfazzjon tas-suċċess tagħhom. Suċċess li wasal bir-rieda aktar minn ħaġa oħra.
Huwa f’din il-linja tal-ħsieb li xtaqt nikteb. Għaliex ħaddieħor jirnexxi u l-isport Malti jibqa’ staġnat? Ili mal-50 sena fl-isport u wisq aktar qrib l-atleti u amministraturi tal-isport Malti. F’kull edizzjoni tal-Olimpijadi r-risposti jew aħjar l-iskużi jibqgħu l-istess. Edizzjoni wara l-oħra tindaqq l-istess diska. Dik li hemm bżonn jikber il-finanzjament, tikber il-partecipazzjoni, jiżdiedu l-faċilitajiet, aktar għajnuna mill-awtoritajiet eċċ. eċċ. Dan kollu ripetut sa mill-ewwel parteċipazzjoni Olimpika Maltija fl-1928. Immur lil hinn meta fl-1928 fid-Daily Malta Chronicle tfaċċat il-Malta All Sport Association fejn ressqet lill-Gvern ta’ dak iż-żmien proposti biex jibda jiżviluppa l-isport Malti.
Bużżieqa tas-sapun…
Kważi seklu wara, l-istess argumenti għadna niddiskutuhom. Xejn anqas xejn aktar. Ma rridx nidħol fil-mertu ta’ rapport tekniku dwar il-parteċipazzjoni Maltija f’Tokjo. La hu kompitu tiegħi biex nagħmel dan u lanqas irrid li jkun. F’dan l-istadju, iżda, bħala ġurnalist li drajt ngħix fl-istatistika u l-istorja tal-isport Malti ma nistax noqgħod lura biex b’mod sempliċi li jifhmu kulħadd nanalizza fuq bażi ta’ riżultati fit-tabella li qed ninkludi ma’ din il-kitba.
Madankollu nagħmel ċerti osservazzjonijiet u fid-dawl tas-sitwazzjoni nibda bl-għaqdiet nazzjonali tal-isport:
L-isport Malti huwa bħal bużżieqa tas-sapun. Sabiħa meta titla’ fl-għoli, vojta mill-elementi, tinfaqa’ u ma jibqa’ xejn. Iżda kulħadd jgħid li hi sabiħa.
Hekk jagħmlu ħafna mill-assoċjazzjonijiet. Ċerti riżultati u wirjiet tal-atleti huma bħal bużżieqa tas-sapun u meta tinfaqa’ l-istess assoċjazzjonijiet jibqgħu lura milli jikkritikaw lilhom infushom.
Trid tinqata’ li f’kull kompetizzjoni reġjonali jew tkun xi tkun, min ikun spiċċa l-ewwel, it-tieni jew it-tielet hemm l-użanza li jingħad li ntrebħet midalja tad-deheb, fidda jew bronż. Trid tinbidel il-mentalità li l-kejl tal-karriera jrid jitfassal biss fuq il-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa u rari nħarsu lil hinn lejn Kampjonati tal-Ewropa jew tad-dinja.
Ħadd ma rikeb fuq il-karru
F’pajjiżna l-politiku, hu min hu, jidħol fin-nofs. Ara għax ir-riżultati f’Tokjo kienu li kienu l-ebda politiku ma rikeb fuq il-karru. Is-solitu a skapitu ta’ filmat jew ritratt l-isportivi jitpoġġew f’lenti ta’ super eroj nazzjonali. Kien hemm każijiet fejn rebħ ta’ kompetizzjoni fi Sqallija jew għax tim rebaħ partita jew tnejn spiċċaw ippremjati f’Kastilja.F’pajjiżi oħra tali privileġġ jingħata lil min jirbaħ Olimpijadi, Kampjonat tad-Dinja jew tal-Ewropa. Aħna le. Ix-xejn kapaċi nagħmluh ileqq u jfuħ.
Issa mmur oltre. Tokjo ħalla lok għal ċerti fatturi li ħolqu taħwid u dubji fost il-pubbliku. Dubji dwar il-mod ta’ kif riżultat aktar minn ieħor kien interpretat. Mhux ġust li l-pubbliku spiċċa gwidat ħażin l-aktar b’ċerti messaġġi fil-midja soċjali fejn kważi ngħatat l-impressjoni li setgħet intrebħet xi midalja jew li riżultat f’heat kellu xi valur. Kulħadd irid jiftakar li huma biss riżultati u statistika li jibqgħu għal dejjem. Ċifri biex wieħed iqabbel.
Bħal dejjem nidħlu f’dak li jissejjaħ ‘żmien ta’ riflessjoni’. Dik li jien inqisha bħala skuża patetika flok li naċċettaw is-sitwazzjoni kif inhi. Riflessjoni ta’ skużi li issa magħhom iddaħħal ukoll il-Covid, bħallikieku mhux il-pajjiżi kollha għaddew minnu. Ikun aħjar li flok riflessjoni nkunu realistiċi u naċċettaw li dak li aħna nagħmluh kbir u sabiħ mhu xejn għajr bużżieqa tas-sapun.
Bilħaqq, ninsabu biss 36 xahar bogħod mill-Olimpijadi ta’ Pariġi fl-2024.
//= $special ?>