Raġel ta’ 61 sena mir-Rabat jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn għoli. L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħaxija fi Triq Sa Maison, il-Furjana.
Immedjatament fuq il post waslu l-Pulizija tad-Distrett kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel assistenza. Aktar tard ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma waqa’ minn għoli waqt li kien fil-ġnien u spiċċa fit-triq.
Il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.