Lokali Qorti

Sa qabel l-aħħar tas-sena mistenni jinħareġ l-att tal-akkuża fil-konfront ta’ Yorgen Fench

Kollox jindika li sa qabel l-aħħar ta’ din is-sena mistennija tinħareġ l-att tal-akkuża fil-konfront ta’ Yorgen Fenech li jinsab mixli li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’Novembru kellu jiskatta t-terminu ta’ meta kellha tingħalaq il-kumpilazzjoni u għalhekk Fenech ikollu d-dritt skont il-liġi li jingħata l-libertà proviżorja. Madankollu t-terminu ġie estiż bi ftit minħabba xi rinviji (referenzi) li kienu saru minn naħa tad-difiża.

Madankollu, peress li għad fadal numru sostanzjali ta’ xhieda biex jiddeponu fil-każ, l-Avukat Ġenerali mistenni jifformola l-att tal-akkuża biex il-każ ikun jista’ jibqa’ għaddej filwaqt li l-kompetenza fuq il-libertà proviżorja taqa’ f’idejn il-Qorti Kriminali preseduta minn Imħallef.

It-terminu tal-kumpilazzjoni baqalu madwar 18-il ġimgħa biex jiskadi bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qed tisma’ kemm tiflaħ xhieda u ssejjaħ diversi seduti biex finalment jiġu konklużi l-ġbir tal-provi.

Fil-fatt minkejja li ninsabu fl-eqqel tas-sajf fejn normalment il-Qorti tieħu ‘break’ ix-xogħol baqa’ għaddej fejn hemm ippjanati żewġ seduta oħra, waħda illum u oħra nhar il-Ħamis li ġej fejn dik tat-12 ta’ Awwissu, huwa ppjanat li jsir il-kontro eżami ta’ Melvin Theuma u t-tifel tal-vittma Matthew Caruana Galizia.

Kif ġara fil-każ tal-aħwa Degiorgio, wkoll mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kollox jindilka li l-att tal-akkuża tiġi fformulata biex il-proċess jibqa’ għaddej bil-Qorti tal-Maġistrati tiġi żvestita mir-responsabbilita biex tiddeċiedi jekk takkordax il-libertà proviżorja jew le.

Sadanittant id-difiża ta’ Yorgen Fenech għada għaddejja bil-kawża kostituzzjonali fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest tan-negożjant. Fl-aħħar seduta quddiem l-Imħallef Miriam Hayman ġie deċiż li l-investigaturi ewlenin tal-Pulizija li qed jittrattaw il-każ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia se jkunu qed jixhdu nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Awwissu dwar tali talba.

Fl-applikazzjoni Kostituzzjonali ppreżentata, Fenech qed isostni li huwa diġa’ qatta ’aktar minn 500 ġurnata f’kustodja waqt li għadu preżunt innoċenti. Fenech kien diġa għamel sitt talbiet lill-Qorti tal-Maġistrati għal libertà proviżoja li kollha kienu miċħuda.

“Il-vera assasini ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom jiġru barra” – Id-difiża

Id-difiża ta’ Yorgen Fenech immexxija mill-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran tul il-kumpilazzjoni qegħdin jisħqu li x-xhieda ta’ Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, u li ngħata l-proklama fil-każ mhuwa xejn kredibbli u lanqas affidabbli.

Theuma huwa l-persuni li qed jgħid li l-moħħ wara l-qtil kien Yorgen Fenech, u qal ukoll fil-Qorti li Fenech kien qal lil Keith Schembri; “M’hemmx mod ieħor kif neħilsu minn Daphne”. Huma marru wkoll oltre minn hekk fejn qegħdin jikkontendu li l-vera ħatja għadhom jiġru barra. Fil-fatt fil-Qorti l-Avukat Mercieca kien sostna. “Kulħadd jidher li qed iwaħħal il-qtil fuq Yorgen Fenech waħdu, meta dawk li huma verament l-assassini jinsabu barra u qed ikunu protetti…ikun aħjar li nieqaf hawn,” kien saħaq l-Avukat.

Fil-fatt minn xhieda u recording li nstemgħu fil-Qorti kollox jindika li l-persuni responsabbli mill-qtil kienu diversi, fosthom politikanti jew nies li huma viċin tagħhom, kif ukoll membri tal-Korp tal-Pulizija. Minkejja li r-responsabbiltà dwar dan il-qtil hija diversa, min involut ħafna u min ftit anqas, għad hemm ħafna persuni oħra li għandhom jitressqu l-Qorti, b’rabta ma’ dan il-qtil.

Theuma kien jemmen li Keith Schembri u oħrajn kellhom il-poter biex jipproteguh

Melvin Theuma fix-xhieda tiegħu f’diversi okkażjonijiet qal li huwa dejjem emmen li Keith Schembri u nies qrib tiegħu, fosthom membri tal-Korp tal-Pulizija kienu lesti li jipproteġuh. Kien għalhekk qal li kellu moħħu mistrieħ li mhumiex se jarrestawh.

Fix-xhieda tiegħu huwa semma lill-eks Ministru Chris Cardona, lill-eks Kummissarju Laurence Cutajar, l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta. Il-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Melvin Theuma, s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tkopri ukoll dak li seta’ kien ir-rwol indirett tiegħu fl-attentat ta’ serqa mill-bank HSBC, lura fl-2010.

Dan l-aħħar fil-Qorti ħareġ ukoll li Theuma offra waħda mill-propjetajiet tiegħu fil-Mosta, biex iservi ta’ post sigur, lill-ħallelin. Is-serqa ma kinietx irnexxiet bil-ħallelin kienu sparaw numru ta’ tiri fid-direzzjoni tal-Pulizija.

Dwar dan l-attentat ta’ hold-up’ qed jiġi mplikat ukoll il-Ministru Carmelo Abela. Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, l-unika persuna li s’issa ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li anke hu talab maħfra presidenzjali biex jgħaddi l-informazzjoni dwar is-serqa tal-HSBC.

Dwar l-attentat tas-serqa tal-HSBC, is-sena l-oħra Muscat kien qal lill-investigaturi li l-kompliċi tagħhom kienu pprovdewlhom filmat tal-post minn ġewwa biex jidħlu fil-control room tal-bank. Hu semma’ lil Carmelo Abela, li ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, anke jekk huwa mifhum li anke l-aħwa Degiorgio qablu ma’ dak li qal “Il-Koħħu”.

Dwar il-qtil tal-ġurnalista, Vince Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs. Miegħu kien hemm akkużati ukoll l-aħwa George u Alfred Degiorgio li għadhom jiffaċċjaw il-proċeduri fil-qorti mingħajr il-Koħħu li qed jagħti x-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra l-aħwa Degiorgio.

Vince Muscat ingħata l-maħfra presidenzjali b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop u li dwar dan il-każ fil-Qorti għaddejja l-kumpilazzjoni ta’ evidenza u fejn wieħed mill-akkużati huwa George Degiorgio. Fil-fatt qabel ma ngħata l-maħfra fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop f’Birkirkara, f’Marzu ta’ din is-sena, Vince Muscat qal li kien lest li jkompli jikxef dwar każijiet ta’ attentat ta’ serq. li saru aktar minn10 snin ilu fi żmien ftit xhur minn xulxin.

It-tnejn li huma ma rnexxewx iżda kienu meqjusa bħala spettakolari u kieku rnexxew kienu jinsterqu miljuni kbar. Dawn kienu fl-HSBC ta’ Ħal-Qormi, fejn hemm huwa semma’ lill-Ministru Carmelo Abela li għaddielhom l-informazzjoni kollha dwar il-post u dik tal-Casino di Venezia.

Fil-fatt l-aħwa George u Alfred Degiorgio, ukoll għamlu numru ta’ talbiet għall-maħfra presidenzjali għall-irwol tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex qed isostnu li jistgħu jgħaddu informazzjoni dwar l-involviment ta’ Ministru attwali, fis-serqa tal-HSBC u li lesti jgħidu ukoll min hu l-eks Ministru u sensar ieħor fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sadanittant Yorgen Fenech ta’ 40 sena li qabel ma ġie arrestat kien residenti Portomaso, San Ġiljan qed jiġi mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofsinhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali.

Li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali, li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni billi dolożament bil-ħsieb ippjanaw li joqtlu persuna, jew li jqiegħed l-ħajja ta’ Carana Galizia f’periklu ċar, u kkaġunalha l-mewt.

Akkuża oħra tgħid li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi fejn dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt tal-ġurnalista jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Minn naħa tal-Avukat Ġenerali qegħdin jidhru d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u Nadia Attard. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.