Lokali Qorti

30 xahar ħabs għal Libjan fuq serq u li sar riċediv

Libjan ta’ 52 sena, magħruf sew mal-Pulizija ġie kundannat 30 xahar ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati li seraq flus kontanti minn ħanut fl-Università, xorb minn Supermarket fil-Fgura u flus kontanti wkoll minn Cafeteria fil-Belt, Valletta.

Grazzi għas-sinerġija f’ħidma kontinwa bejn tliet Distretti differenti, bil-Pulizija tad-Distrett ta’ tas-Sliema, mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley, l-Ispettur Priscilla Caruana Lee mid-Distrett tal-Fgura u l-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mid-Distrett tal-Belt Valletta, dan il-każ ġie solvut.

Bħala parti mis-sentenza din inkludiet żewġ sentenzi sospiżi li ġew effettivi fil-konfront ta’ Mahmoud Suleiman Ben Ramadan. Fuq serq il-Libjan ġie kundannat 24 xahar ħabs filwaqt li żdiedu bi tliet xhur kull wieħed is-sentenzi sospiżi li ġew effettivi.

Huwa nstab ħati li s-sena l-oħra seraq flus mill-cash register tal-ħanut Agenda, li jinsab fl-Università ta’ Malta, mis-Supermarket Carters tal-Fgura seraq numru ta’ flixken tal-whisky u mill-cash register tal-Cafeteria Costa fil-Belt – Valletta serq ukoll ammont ta’ flus.

Is-serq kien isir matul il-lejl billi l-ħati kien jisgassa n-negozju fejn tkisser ukoll xi ħġieġ biex tkun tista’ titwettaq is-serqa. Il-Pulizija waslet għal Mahmoud Suleiman Ben Ramadan mis-CCTV’s tan-negozji u postijiet fil-viċinanzi. Għall-ħati deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja. Huwa ma nstabx ħati fuq akkużi ta’ theddid u li kellu fil-pusses tiegħu sikkina.