Il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, ċaħad li s-servizzi tas-sigurtà tiegħu kienu involuti fil-mewt tad-dissidenti, Vitaly Shishov, li l-katavru tiegħu nstab ‘mgħallaq’, jiem ilu, f’park tal-Ukrajna. Għalkemm Shishov kien magħruf bħala ‘xewka’ għar-reġim ta’ Lukashenko, il-Mexxej tal-Belarus, f’kummenti rari dwar id-dissidenti, qal li ‘Shishov ma kien ifisser xejn għalih u għall-poplu ta’ pajjiżu’.
Vitaly Shishov kien jorganizza l-għajnuna għaċ-ċittadini tal-Belarus biex jaħarbu lejn l-Ukrajna . Dan meta l-qawwiet tas-sigurtà u s-servizzi sigrieti ta’ Lukashenko żiedu l-kampanja ta’ ripressjoni fil-konfront ta’ nieshom wara l-elezzjonijiet kontroversjali tas-sajf li għadda għall-Presidenza tal-Belarus.
Ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, fil-preżent, qegħdin jissikkaw is-sanzjonijiet fuq il-Belarus, b’mod fejn qed jintlaqtu s-setturi ekonomiċi tal-pajjiż – l-istess bħas-servizzi finanzjarji u t-trasport. Dan meta Lukashenko u l-ogħla uffiċjali ta’ miegħu huma wkoll suġġetti għal sanzjonijiet min-naħa tal-Punent.
L-elezzjoni tas-sena l-oħra fil-Belarus – fejn il-poplu akkuża lil Lukashenko dwar ‘is-serq tal-vot’ – qanqlet dimostrazzjonijiet kbar kontra l-President li damu għal ġimgħat u li kienu l-akbar sfida għal Lukashenko fis-27 sena li hu ilu jmexxi lill-Belarus.
Il-pulizija f’dan il-pajjiż, is-sena l-oħra, spiċċaw jarrestaw eluf ta’ dimostranti ‘li ħarġu kontra Lukashenko’ minbarra li użaw il-lembubi u gass tad-dmugħ fuq in-nies fit-toroq. L-Oppożizzjoni fil-Belarus illum qed tgħid li ‘il fuq minn 600 priġunieri politiċi għadhom miżmuma l-ħabs. Dan ukoll meta l-Kapijiet tal-Oppożizzjoni Belarussi spiċċaw jew il-ħabs inkella sfurzati għal ħajja f’eżilju.
Għalkemm Lukashenko qed jissikka dejjem aktar il-morsa fuq poplu miċħud mid-demokrazija u drittijiet bażiċi, hu jista’ igawdi dejjem l-appoġġ tal-President tar-Russja Vladimir Putin li jibqa’ l-akbar alleat tiegħu. Madankollu, il-Gvernijiet tal-Punent qed jinsistu bil-pressjoni fuq Lukashenko b’konnessjoni ‘mal-frodi u tbagħbis waqt il-vot tas-sena l-oħra fil-Belarus’.
Sadanittant, il-pulizija Ukrena li qed tinvestiga l-mewt ta’ Shishov iridu jikkonkludu jekk dan seħħx b’riżultat ta’ omiċidju inkella jekk id-dissidenti spiċċax vittma ta’ omiċidju.
Il-kollegi ta’ Shishov fl-organizzazzjoni bl-isem ‘Dar għall-Belarussi fl-Ukrajna’ jissuspettaw li l-aġenti ta’ Lukashenko kienu ilhom iż-żmien jissorveljaw lill-vittma u li huma, imbagħad, ‘qatluh u pruvaw jippreżentaw mewtu bħala omiċidju’.
//= $special ?>