Wara r-rapport maħruġ mill-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, li sab li m’għadux aktar possibbli li naħarbu din l-isfida tal-bidla fil-klima, u li jekk fis-snin li ġejjin nibqgħu sejrin b’din ix-xejra pajjiżna jista’ tispiċċa kważi deżert, il-Partit Nazzjonalista ħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet illum li ser ikun fuq quddiem nett sabiex jixpruna d-diskussjoni nazzjonali biex jitwettaq Pjan ta’ Azzjoni biex Malta timmaniġġja l-impatt fuq l-ambjent u s-soċjeta’.
Il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius qal li l-bidla fil-klima u l-impatt tagħha fuq Malta bdiet diġa u din hija l-bidu ta’ emerġenza għal pajjiżna li jeħtieġ li tiġi ndirizzata bi pjan konkret u fit-tul. Peter Agius qal li kif ħabbar illum stess il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, minbarra li l-Partit Nazzjonalista ser inkun qiegħed iressaq il-ħsibijiet tiegħu fi ħdan il-fora Ewropej, illum stess il-Kap tal-Oppożizzjoni waqqaf core team sabiex mill-aktar fis tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex din il-materja tant importanti għall-futur tagħna titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali. “Din hija materja ta’ importanza nazzjonali li nħossu li qed tiġi traskurata minħabba li għandna gvern li jsibha diffiċli ferm iħares fit-tul,” qal Peter Agius.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Robert Cutajar tkellem fuq id-diversi proposti li għandu l-Partit Nazzjonalista dwar dan is-settur. Huwa fakkar kif sentejn ilu il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fil-Parlament dwar din l-emerġenza fil-klima u li sabet l-appoġġ ta’ numru kbir ta’ organizazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex fost oħrajn jinħatar persuna responsabbli (Supretendent) sabiex iħares is-settur ambjentali u jgħin sabiex jiġu indirizzati l-problemi li t-tibdil fil-klima qed iġib miegħu. Semma wkoll kif il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum meta jaqla’ siġar bl-addoċċ, xi ħaġa li qed tiġri f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm Gabriel Micallef, il-President il-ġdid tal-MŻPN li qal li l-problema tat-tibdil fil-klima qegħda tinhass miż-żgħażagħ partikolarment li jinnotaw bi frustrament kbir li Malta t-tibdil fil-klima mhux trattat bis-serjeta. “Ghalhekk aħna ż-zgħażagħ Maltin jeħtieġ nieħdu leadership fuq din u wara s-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għal diskussjoni nazzjonali, bhala MŻPN ser ngħaqqdu lill-għaqdiet taz-zghazagh kollha f’diskussjoni nazzjonali ta’ kif irridu nilqgħu u niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, sabiex nippreżentaw il-proposti tagħna fi ħdan il-konferenza nazzjonali li ser jorganizza l-Partit Nazzjonalista fil-ġimgħat li ġejjin”, qal Gabriel Micallef.
Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Bernice Bonello qalet li Pajjiżna m’għandux pjan konkret kif ser nimmaniġjaw it-tibdil fil-klima. Hi semmiet il-bżonn li l-Gvern jgħin lill-entitajiet fosthom kunsilli lokali sabiex jgħinu f’din il-ġlieda tat-tibdil fil-klima.
//= $special ?>