Enerġija Lokali

“Dan il-Gvern naqqas il-qtugħ tal-elettriku” – Miriam Dalli

Eluf ta’ Maltin u Għawdxin fl-aħħar ġranet u ġimgħat  batew sħana enormi u nkonvenjent kbir, hekk kif il-provvista tad-dawl inqatgħet kemm-il darba.

Iżda jidher li l-Ministru li propju taħtha jaqa’ s-settur tal-enerġija, Miriam Dalli, donnha mhux konxja ta dan il-fatt.

“SKORRETTA TGĦID LI L-FAMILJI QED IKOLLHOM TA’ KULJUM IL-QTUGĦ TAL-ELETTRIKU”

…b’Miriam Dalli tinsisti li l-qtugħ tal-elettriku naqas.

“DAN IL-GVERN NAQQAS IL-QTUGĦ TAL-ELETTRIKU”

Il-Ministru Dalli biex tipprova tiġbor ġieħ il-Gvern fl-isfond ta’ dal-qtugħ kollu fil-provvista tad-dawl, u qalet li l-Gvern investa ħafna flus fl-enerġija.

“LI ĠARA MINN TMIEN SNIN ILU ‘ L HAWN FUQ IL-QASAM TAD-DISTRIBUZZJONI HU LI DAN IL-GVERN INVESTA €130,000,000”

Staqsejna allura kif tispjega kif wara dan l-investiment kollu, għadu qed ikollna qtugħ regolari fil-provvista, bil-Ministru Dalli twieġeb li dan seħħ għax, skont hi, “is-settur tal-enerġija huwa settur li jevolvi kuljum”.

Ridna nkunu nafu wkoll jekk il-Gvern Laburista hux se jagħmel xi ħaġa fuq is-serq fil-kontijiet tad-dawl – serq li kien ikkonfermat mill-uffiċju tal-Awditur Ġenerali f’abbozz ta’ rapport li tkellem dwar diskrepanzi fil-kontijiet tal-familji Maltin.

Iżda jidher li din il-mistoqsija ma tantx niżlet tajjeb mal-Ministru, li remiet għal kollox id-domanda li tmiss il-bwiet tal-familjil Maltin, u minflok għażlet li tinfexx f’attakk politiku partiġġjan.

U meta ma weġbitx jekk il-Gvern hux se jagħti lura l-flus li l-poplu qed jinsteraq ta’ kuljum fuq il-kontijiet tad-dawl… il-Ministru ma kellhiex xi tgħid u qaltilna nagħmlu “rewind” biex insibu r-risposta.

Kollox jindika li l-Gvern jinsab determina li jibqa’ jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi fuq kull kont tad-dawl li jibgħat.

Xi ħaġa li Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jirranġa immedjatament, u aktar minn hekk li jrodd lura l-flus li nsterqu minn Gvern Laburista fl-aħħar snin minn ħalq il-familji Maltin u Għawdxin.