Lokali

Dell ikrah fuq l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qiegħed hemm biex l-ewwel u qabel kollox, jaġixxi fl-interess tal-iStat iktar milli tal-Gvern tal-ġurnata.

Din hija silta mir-rapport tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ikkwotata mill-ġurnal Times of Malta fl-editorjal tat-Tlieta li qed isejjaħ biex f’dan iż-żmien tant delikat, l-interess nazzjonali jiddetta li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jaġixxi esklussivament bħala l-avukat tan-nies.

L-Editorjal jikkummenta dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika li, fost l-oħrajn, investigat iċ-ċirkostanzi wara l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Il-Bord sab li l-Avukat Ġenerali attwali, Victoria Buttigieg, kienet involuta f’negozjati mat-tim legali tal-Electrogas dwar il-kuntratt ta’ security of supply, li kien kruċjali biex l-Electrogas tingħata self qawwi ta’ iktar minn €300 miljun ewro.

Skont l-istess inkjesta, il-parir tal-Avukat Buttigieg kien li l-firma tal-Ministru li qed imexxi l-proġett kienet biżżejjed u ma kienx hemm ħtieġa li l-kuntratt ikun approvat mill-Kabinett u mill-Parlament.

L-Imħallfin li mexxew l-inkjesta ma kienux konvinti li l-Avukat Buttigieg u l-predeċessur tagħha, l-eks Avukat Ġenerali Peter Grech, ma kienux taħt pressjoni kbira biex jagħtu parir favorevoli. Xhieda ta’ dan hi silta mir-rapport tal-inkjesta fejn jingħad li parir mill-Avukat Ġenerali biex jinqabeż il-Parlament u l-Kabinett biex issolvi problema, hi x’inhi n-natura tagħha, ma jinstemax bħala parir tajjeb u li jserraħ moħħ dak li jkun li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jaġixxi l-ewwel u qabel kollox fl-interess tal-iStat milli fl-interess tal-Gvern tal-ġurnata. L-implikazzjoni tal-Bord tal-Inkjesta hi li l-Avukat Ġenerali kien iktar pupazz tal-Gvern tal-ġurnata mill-qaddej tal-Istat.

L-Editorjal ikompli billi jispjega kif is-saħta tal-Electrogas u l-Panama Papers, li għamlet ħerba mill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, għadha qed titfa’ dell ikrah fuq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, wara snin sħaħ ta’ kontroversji fi żmien l-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Ifakkar ukoll kif Peter Grech kien fil-mira ta’ kritika ħarxa talli ma ħa ebda azzjoni meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers u kien saħansitra instab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li kiser id-drittijiet fondamentali tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta irrifjuta li jagħtih kopja tar-rapport tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant. L-Editorjal itemm li dan kollu ġara minkejja li l- kariga tal-Avukat Ġenerali hi waħda Kostituzzjonali, protetta mill-istess Kostituzzjoni …li tisħaq b’mod ċar li l-Avukat Ġenerali m’hu suġġett għad-direzzjoni u l-kontroll ta’ kwalunkwe persuna jew awtorita’ oħra.