Internazzjonali

Iċ-Ċina: Kanadiż jitlef l-appell kontra s-sentenza tal-mewt

Ċittadin tal-Kanada fl-aħħar sigħat tilef l-appell kontra s-sentenza tal-mewt li ngħatatlu ( fiċ-Ċina) b’konnessjoni ma’ traffikar tad-droga. Il-qorti li semgħet l-appell ta’ Robert Lloyd Schellenberg iddeċidiet li tikkonferma l-piena kapitali minħabba li ‘il-provi kontra l-imputat kienu suffiċjenti’.

Schellenberg, għall-bidu, kien spiċċa kkundannat għal 15-il sena ħabs, iżda qorti tal-appell, fl-2019, qalet li din is-sentenza ma kenitx xierqa għall-iskala tar-reat, u bir-riżultat li l-Kanadiż kellu jgħaddi minn proċess tal-qorti ieħor li ħarġitlu s-sentenza tal-mewt.

Iċ-ċirkustanzi mistennija jikkumplikaw ir-realzzjonijiet diġà diffiċli bejn iċ-Ċina u l-Kanada.

Dan waqt li Dominic Barton, l-Ambaxxatur Kanadiż għaċ-Ċina, ikkundanna d-deċiżjoni tal-qorti Ċiniżi u qal li ‘din ma kenitx koinċidenza’ fi żmien meta għaddejja battalja għall-estradizzjoni ta’ Meng Wanzhou, eżekuttiv ewlieni tal-kumpanija Ċiniża tat-telekomunikazzjoni Huawei, mill-Kanada.

Meng, bħalissa, qed tinżamm il-Kanada fuq mandat li ressqet l-Istati Uniti, bil-Kanadiżi, issa, qed jakkużaw liċ-Ċina dwar ‘diplomazija li tibbaża fuq l-ostaġġi’. Dan waqt li Beijing qed jiċħad għal konnessjoni ‘bejn il-każi ta’ Meng u ta’ Schellenberg’.