“Levita Laurentius” – Din hija l-għajta kotrana tal-poplu Ġirbi li tidwi mal-kant tal-antifona ta’ Dun Alwiġ Fenech fid-dħul tal-Vara tal-Patrun, San Lawrenz, fil-Kolleġġjata tal-Birgu f’nhar l-10 t’Awwissu – għajta li għal din is-sena kellha tidwi b’differenza kawża tar-restrizzjonijiet li ġew affettwati bihom il-festi, b’mod partikolari dawk esterni, fid-dawl tal-pandemija.

Minkejja dan, xejn ma waqqaf l-entużjażmu tal-Ġirbin milli jiċċelebraw il-festi interni fil-Kolleġġjata bl-akbar pompa hekk kif kmieni t-Tlieta filgħodu, fuq is-swar tal-belt Rebbieħa dehru jittajru l-bnadar f’atmosfera festiva u l-qniepen b’mota ta’ ferħ ħabbru l-Għid ta’ San Lawrenz.

Il-qofol intlaħaq bil-Quddiesa Solenni tal-Festa ċċelebrata mill-Arċipriet tal-Birgu, il-Kan Karm Busuttil bis-sehem tal-kapitlu tal-Kolleġġjata u li għaliha fost l-oħrajn attendew il-Viċi Kap tal-Partit, David Agius, deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-paniġierku li ntiseġ mill-Kanonku Jonathan Farrugia, huwa fakkar kif il-martirju qalil u glorjuż ta’ Lawrenz fis-sena 258 WK f’Ruma kellu sehem kruċjali biex ġrajjet dan il-qaddis infirxet mal-erbat irjieħ tad-dinja; ġrajja li xeħtet dawl mhux biss fuq kif ġab ruħu f’mewtu iżda anki f’ħajtu bħala djaknu.

Dan il-ministeru li jdur mas-servizz tal-karità, mhux biss kien imsejjes għas-servizz li kien jagħti Lawrenz lill-oħrajn bit-tqassim ta’ ikel jew żjarat lill-morda iżda anki fuq is-sies tal-imħabba suprema għal Kristu, dik li ssagrifika ħajtu għaliH billi mar għall-mewt tal-gradilja flok il-Papa Sistu biex b’hekk laqqa’ ma’ Kristu lil kull min jiltaqa’ ma’ Kristu f’dik il-ħruxija.

Kien hawn li l-predikatur ħeġġeġ lill-miġemgħa biex ħajjithom ma jsawwruhiex fuq l-affarijiet matejrali iżda jżommu lil San Lawrenz bħala xempju li fuqu jibnu ħajjithom u jxerrdu dan il-wirt imprezzabbli li ħallielhom.

Il-festa fil-Birgu tissokta filgħaxija bl-Għasar Solenni u r-Ripożizzjoni tar-Relikwija u aktar tard fid-9 ta’ filgħaxija, is-smewwiet tal-Port il-Kbir għandhom jinxtegħlu bil-logħob tan-nar tal-ispettaklu “La Notte di San Lorenzo”.

Il-parroċċa tal-Birgu hija l-ewwel parroċċa tal-kampanja wara l-Katidral, l-ewwel Knisja Konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann f’pajjiżna, u Kolleġġjata li hi mogħnija b’arkitettura fuq still Barokk li għadha kif żanżnet pittura ġdida għall-koppla tagħha ta’ Manuel Farrugia.

Id-devozzjoni lejn San Lawrenz hija b’saħħitha ħafna f’pajjiżna u tmur lura mijiet ta’ snin. Infatti, anke l-parroċċa tal-lokalità ta’ San Lawrenz f’Għawdex tiċċelebra il-festa tal-qaddis li ġġib l-isem tiegħu.

F’dan iż-żmien ukoll, għadd ikbar mis-soltu ta’ kwiekeb feġġejja, jew shooting stars, jimlew is-sema tal-gżejjer Maltin; fenomenu li huwa magħruf aħjar bħala d-Dmugħ ta’ San Lawrenz.
