Lokali

Il-Ministru Clyde Caruana jgħid li l-pjan għall-Air Malta għadu ‘works in progress’

Wara li l-Kummissjoni Ewropea rriffjutat il-pjan oriġinali li ppreżenta l-Gvern biex jipprova jsalva lill-Air Malta, staqsejna lill-Ministru responsabbli mill-finanzi tal-pajjiż, Clyde Caruana x’inhu l-pjan il-ġdid tal-Gvern għal-linja Nazzjonali. Iżda għal xi raġuni, l-Ministru prova jgiddeb dan il-fatt.

“M’INHIX KONXJU GĦAX MHUX MINNU LI BRUSSELL IRRIFJUTAT IL-PJAN TAL-AIRMALTA”

Dan meta fl-istess nifs imbagħad ammetta li l-pjan ta’ għajnuna li kien ħejja l-Gvern biex jipprova jsalva l-linja nazzjonali tal-ajru qed ikun rivedut.

“IT-TAĦDITIET BEJN IL-GVERN U L-KUMMISSJONI GĦADHOM GĦADDEJJIN.. JIĠIFIERI MA NISTAX INTIK RISPOSTA DEFINITTIVA”

Bit-tweġibiet tiegħu, il-Ministru Caruana pprova jibqa’ jiċħad il-fatt li Brussell kienet irriffjutat il-pjan tal-Gvern Malti. Madankollu, mistoqsi ċar u tond jekk il-pjan kif oriġinarjament ippreżentat kienx aċċettat, Caruana dar mal-lewża u baqa’ jinsisti li l-proċess għadu għaddej.

“ĠIE AĊĊETTAT KIF PREŻENTAT? IT-TAĦDITIET GĦADHOM WORKS IN PROGRESS”

Dan hu t-tielet tentattiv tal-Gvern biex jilħaq ftehim ma’ Brussell dwar għajnuna tal-istat għall-Air Malta. Wara li Kummissjoni ma laqgħetx l-ewwel pjan, f’Novembru tal-2020, il-Gvern Laburista kellu jfassal it-tieni pjan tiegħu… dak li filfatt ġie ppreżentat ftit tal-ġimgħat ilu. Madankollu l-Gvern naqas li jippreżenta pjan aċċerttabbli anke din it-tieni darba, u issa qed ikollu jfassal it-tielet pjan tiegħu bit-tama li dan ikun aċċettat mill-Kummissjoni.

U sadattant, il-ħaddiema għadhom fil-għama dwar il-futur tagħhom mal-linja Nazzjonali – filwaqt li l-management u uffiċjali ohrajn prominenti għadhom idaħħlu fil-but pagi tajbin ferm, meta l-AirMalta għaddejja minn problemi finanzjarji enormi.