Il-Gvern għandu mill-aktar fis possibbli jħabbar l-istrateġija tiegħu għall-pjan aġġornat ta’ rkupru ta’ pajjiżna fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Dan b’mod partikolari għall-industrija tat-turiżmu u tad-divertiment kif ukoll għas-settur tal-edukazzjoni, li fi ftit ġimgħat oħra jerġa’ jieħu l-ħajja b’eluf ta’ studenti u għalliema li jerġgħu jibdew is-sena skolastika tagħhom.
Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġ aktar kmieni illum.
Wara li għal darba, tnejn, tlieta, Roberta Abela, għaliex ma semax mill-esperti u x-xjentisti, falla fl-istrateġija tiegħu tant li l-ewwel ħallas lill-istudenti biex jiġu Malta u mbagħad ħallashom biex imorru lura pajjiżna, il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt ikun jaf il-pjan aġġornat tal-Gvern mill-aktar fis. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif il-Gvern kien wiegħed li hekk kif 85% tal-popolazzjoni tkun ġiet ivvaċċinata sas-16 t’Awwissu jerġa’ jintroduċi ċerti attivitajiet mill-ġdid, xi ħaġa li naqas għal kollox milli jagħmel.
Il-Gvern għandu wkoll ikun ċar dwar jekk hemmx bżonn, u xi pjan għandu, għal programm loġistiku ta’ vaċċinazzjoni għall-booster, partikolarment għall-anzjani u l-frontliners li kienu minn ta’ l-ewwel li ħadu t-tilqima.
Il-Partit Nazzjonalista jappella mill-ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jħares ir-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika partikolarment f’dawn il-jiem ta’ festi, sabiex inħarsu s-saħħa ta’ xulxin.
//= $special ?>