Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippubblika l-lista tal-kotba finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2021.
Il-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Terramaxka 2021 intgħażlu minn bord tal-aġġudikazzjoni indipendenti u l-lista tagħhom isservi bħala gwida għall-aħjar kotba ppubblikati f’Malta matul is-sena ta’ qabel. Il-kotba finalisti jistgħu jinxtraw mill-ħwienet tal-kotba kollha, mis-siti tal-pubblikaturi fuq l-internet, u mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 (3-7 ta’ Novembru), li se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali.
Il-lista tal-2021 fiha 62 ktieb minn 154 li ġew sottomessi; 46 ktieb għamluha mal-finalisti f’seba’ kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-adulti, filwaqt li s-16 l-oħra huma finalisti tal-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti. Minn dis-sena l-kategorija tat-Traduzzjoni twessgħet biex leqgħet xogħlijiet ta’ letteratura mhux fittizja, poeżija, u drama, kf ukoll xogħlijiet ta’ finzjoni bħal qabel. Il-kategorija tal-Poeżija reġgħet ingħaqdet biex leqgħet fiha ġabriet bil-Malti u bl-Ingliż.
Il-kategoriji uffiċjali tal-Premju Nazzjonal tal-Ktieb jinfirxu minn dawk letterarji għal oħrajn ta’ riċerka, fosthom ir-Rumanzi, il-Poeżija, in-Novelli, it-Traduzzjoni, u n-Novelli. Din tal-aħħar dis-sena ssorr ismijiet stabbiliti bħal Trevor Żahra u Joe Friggieri, iżda magħhom hemm jikkompetu Rita Saliba, Joe Camilleri, u r-rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura 2020 Lara Calleja. Bħalma jiġri kull sena, iż-żewġ kategoriji tar-riċerka, ir-Riċerka Ġenerali, u r-Riċerka Bijografika u Storjografika, isorru l-akbar għadd ta’ finalisti, b’kotba ta’ preġju li jkopru minn suġġetti ta’ Melitensia sa oħrajn. Il-kategorija tad-Drama ma kellhiex sottomissjonijiet. Ma ntgħażlux finalisti fil-kategorija tax-Xogħlijiet Oriġinali għall-Adolexxenti (etajiet 13-16) tal-Premju Terramaxka, filwaqt li l-kategorija tax-Xogħlijiet Maqlubin għall-Malti (etajiet 13-16) ma kellhiex kotba sottomessi.
Il-proċess tal-aġġudikazzjoni beda f’Mejju meta ġiet ippubblikata l-lista sħiħa ta’ sottomisjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2021. Imbagħad il-finalisti ġew ikkomunikati lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fis-26 ta’ Lulju.
Il-bord tal-aġġudikazzjoni se jkun qed jagħżel ir-rebbieħa f’kull kategorija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-adulti, kif ukoll tal-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti qabel ma dawn tal-aħħar jitħabbru waqt ċerimonja li tiftaħ il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 it-Tlieta 2 ta’ Novembru. Imbagħad ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 jitħabbru waqt ċerimonja oħra f’Diċembru.
Għal aktar aġġornamenti rigward il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2021 wieħed jista’ jsegwi l-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fuq Facebook u l-websajt fuq https://ktieb.org.mt
//= $special ?>