Il-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis talab apoloġija għall-fallimenti tal-awtoritajiet lokali huma u jippruvaw irażżnu l-kriżi tan-nirien qalb foresta …Nirien li fl-aħħar jiem ħakmu medda ta’ territorju bir-riżultat li nqerdu għexieren ta’ djar u stabbilimenti, b’eluf ta’ residenti jkunu kostretti li jabbandunaw djarhom.
L-akbar emerġenza tinvolvi n-nirien inkontrollabbli li ċċirkolaw madwar il-Gżira ta’ Evia, bil-Prim Ministru Grieg itenni li ‘l-awtoritajiet għall-emerġenzi għamlu minn kollox possibbli biex irażżnu l-periklu u meta l-isforzi tagħhom ma kenux biżżejjed f’diversi sitwazzjonijiet’.
In-nirien f’Evia – lejn il-grigal ta’ Ateni – ilhom jaqbdu għal ġimgħa u l-qerda dovuta qed tidher li laħqet livelli ‘inkalkulabbli’. Fin-nirien, intilfu numru kbir ta’ residenti, bil-fjammi jikkaġunaw qerda katastrofika anki fil-madwar ta’ Ateni u fi bnadi oħra tal-Greċja.
Minkejja d-direttivi kontinwi biex il-mijiet ta’ residenti f’Evia jabbandunaw il-gżira minħabba l-periklu, huma ħafna n-nies li għażlu li jibqgħu hemmhekk ‘biex jiddefendu l-proprjetà tagħhom’.
Meta tkellem fuq it-televiżjoni, il-Prim Ministru Mitsotakis qal li ‘jifhem u jħoss l-uħigħ taċ-ċittadini li tilfu djarhom lin-nirien’ u fakkar li l-Greċja, bħalissa, qed tiffaċċja diżastru naturali bla preċedent fl-istorja moderna.
Madankollu qed tiżdied ir-rabja tal-poplu minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern fiċ-ċirkustanzi, fost allegazzjonijiet li l-awtoritajiet, għall-bidu, ma indirizzawx is-sitwazzjoni bis-serjetà li kien jixirqilha.
L-akbar għadab jidher li hu għall-fatt li l-Gvern hu ‘nieqes’ mill-ajruplani attrezzati għall-proċeduri ta’ water-bombing li huma effettivi għal dawn it-tipi ta’ emerġenzi.
U waqt li l-Greċja qed tkompli taqbad, il-Prim Ministru Mitsotakis wiegħed li ‘kwalunkwe fallimenti se jkunu indirizzati’ waqt li faħħar lill-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi ‘għall-isforzi tagħhom fost l-aktar kundizzjonijiet diffiċli.’
Mitsotakis anki enfasizza ‘il-fattur tal-klima’ bħala l-kaġun tal-kriżi ‘li qed tiġġenera n-n-nirien li qegħdin idumu għal ġimgħa’. Dan waqt li n-Nazzjonijiet Uniti ħarġet rapport ewlieni fis-sens li ‘l-attivitajiet tal-bniedem qegħdin iżidu dawn is-sitwazzjonijiet ta’ temp estremi’.
Mill-aħħar ta’ Lulju ‘il hawn żbruffaw ‘il fuq minn 580 nar madwar il-pajjiż fost l-irwiefen kontinwi u l-agħar mewġa tas-sħana (fil-Greċja) għal għexieren ta’ snin.
//= $special ?>