Nicholas Grech, li minkejja li ammetta ma kienx nstab ħati li b’intenzjoni kriminali qatel numru ta’ qtates u xi klieb fuq mhedda ta’ xhur u snin minn żmien għal żmien fejn dawn instabu maqtula u msallba fil-Mosta, qed jitlob li jinħeles minn Monte Carmeli.
Grech ta’ 44 sena qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li l-arrest indefinit tiegħu fl-isptar Monte Carmeli huwa illegali. Grech ilu seba’ snin miżmum f’Monte Carmeli, wara li fl-2014 ammetta li fuq temp ta’ erba snin kien sallab madwar il-Mosta għadd ta’ qtates u klieb.
Huwa kien mixli wkoll b’vilifikazzjoni tar-reliġjon Kattolika, li ma rrispettax post tad-dfin u li daħal bla permess fi proprjetà tal-Knisja. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Carol Peralta, llum irtirat kienet iddeċidiet li minħabba l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu Grech ma kienx se jinstab kriminalment responsabbli għal għemilu, u minflok ordnat li jinżamm fl-isptar Monte Carmeli kemm hemm bżonn.
Il-Qorti kienet qalet li Grech kien fi stat ta’ ġenn, u ma jistax jinżamm kriminalment responsabbli għal dak li wettaq. Fir-rikors li huwa ressaq, Grech qed jargumenta li mhuwiex ta’ periklu għas-soċjetà, u li l-episodji tal-passat kienu riżultat tal-fatt li ma kienx qed jieħu mediċina għall-kundizzjoni tal-iskizofrenija li jbati minnha.
Grech ippreżenta opinjoni ta’ professjonisti mediċi kontra l-fatt li jinżamm magħluq fl-isptar mingħajr l-ebda prospett ta’ ħelsien. Il-Qorti qed tintalab tisma’ mill-ġdid xhieda tal-professjonisti biex tiddetermina jekk hemmx bżonn li Grech jibqa’ arrestat.
14 il-annimal, instabu mejta u msallbin bejn Settembru tal-2011 tal-2014. Il-konklużjoni tar-rapporti li saru mit-tliet esperti psikjatriċi dak iż-żmien kien jgħid li fiż-żmien li twettqu r-reati, l-akkużat kien qed ibati minn nuqqas ta’ ġudizzju u awto-kritika. Fil-konklużjoni taż-żewġ rapport li saru, u li kienu ferm simili dak iż-żmien, il-psikjatri Ethel Felice, Peter Muscat u David Cassar qalu li Grech kien qed ibati minn skizzofrenija u li meta wettaq ir-reat ma kellux intenzjoni kriminali.
//= $special ?>