Il-Moviment Graffitti fi stqarrija innota bi tħassib u dispjaċir li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjinijiet tal-Bord ta’ inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphe Caruana Galizia qed jiġu imminati, hekk kif il-Gvern qiegħed biss jitkellem dwarhom waqt li jonqos mir-responsabbilta’ tiegħu li jindirizza l-implikazzjonijiet tagħhom.
L-inkjesta sabet evidenza abbundanti tar-rabtiet profondi, intimi u mhux xierqa bejn l-ogħla livelli ta’ amministrazzjoni pubblika u n-negozju kbir.
Dawn ir-rabtiet wasslu għall-azzjonijiet gravi mwettqa minn elementi tal-Istat, orkestrati ċentralment mill-Uffiċju tal-Prim Ministru biex iwaqqfu u jsikktu lil Daphne Caruana Galizia minħabba li l-ġurnaliżmu tagħha kien ta’ theddida għall-interessi finanzjarji qawwija li jirriżultaw miż-żwieġ inċestuż bejn il-politika u n-negozju.
Forsi l-iktar ħaġa pertinenti f’dan il-mument hija r-responsabbilta’ tal-Ministeru għall-Ġustizzja li jiggarantixxi s-saltna tad-dritt billi jiżgura li l-id tal-ġustizzja tilħaq lil dawk kollha li jiksru l-liġi, huma min huma u jkun xi jkun il-poter politiku u ekonomiku tagħhom.
Il-Bord tal-inkjesta ikkonkluda li r-realta’ manifesta żvelata matul il-proċeduri hija li, għall-Istat, l-interessi tan-negozju privat jieħdu preċedenza fuq il-ġid komuni.
Madankollu, il-Ministru għall-Ġustizzja, li l-mandat tiegħu hu li jiżgura li din il-kultura ta’ impunita’ tinqered, intwera li għandu l-eqreb rabtiet man-negozjant akkużat li kien fiċ-ċentru ta’ din ir-rabta ta’ interessi politiċi-ekonomiċi, sal-punt li kien l-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess Ministru għall-Ġustizzja jsostni li għandu konvinzjoni soda li hu dejjem aġixxa b’integrita’, minkejja l-konklużjoni tal-Bord li l-ebda membru ta’ dak il-Grupp Parlamentari ma aġixxa b’integrita’ fl-għażla li jiddefendi l-azzjonijiet indifendibbli ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Huwa inkonċepibbli li Stat li nstab li iffaċilita l-qtil ta’ ġurnalista permezz il-ħafna każijiet ta’ nuqqas ta’ responsabbilta’ li wasslu biex l-interessi privati jingħataw prijorita’ ogħla mill-ġid pubbliku jista’ jittama li jirranġa s-sitwazzjoni b’Ministru li r-relazzjoni profonda, intima u mhux xierqa tiegħu ma’ dawk l-istess interessi privati hija dokumentata, pubblika, u patetika.
Il-konvinzjoni soda tal-Ministru Edward Zammit Lewis dwar l-integrita’ tiegħu stess hi irrilevanti. Rajna biżżejjed assigurazzjonijiet, twemmin u kundanni jiżżarmaw taħt il-piż tal-provi kuntrarji matul l-aħħar snin.
Jekk inkomplu nafdaw ir-riassigurazzjonijiet tal-integrita’ tagħhom stess ta’ individwi li huma kompromessi b’mod evidenti, ilkoll kemm aħna nkunu Ġaħan.
Niftakru l-wegħda tal-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmieni fil-Parlament li l-ebda torri mhu se jinbena fir-Reġjun tal-Port tan-Naħa ta’ Fuq sakemm ma jiġix konkluż Masterplan – liema wegħda tinsab fit-trab ta’ monumenti oħra għall-impunita’ tal-interessi tan-negozju kbir.
Dan mhu l-ebda żmien biex l-affarijiet jibqgħu kif kienu, u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet estensivi stabbiliti mill-Bord għandhom jiġu segwiti b’urġenza u dedikazzjoni xierqa.
Hemm ħafna titjib strutturali xi jsir, imma l-ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech m’għandux ikun dak li qed jagħmilhom.
//= $special ?>