Ambjent Lokali

Il-PN isejjaħ Konferenza Nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

Wara r-rapport li ħareġ mill-Bord Intergovernattiv dwar it-tibdil fil-klima, il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq li t-tibdil fil-klima ilu emerġenza għal żmien twil, iżda dejjem intefa’ taħt it-tapit.

Huwa kompla jistqarr li kull jum li jgħaddi bla ma nieħdu azzjoni, din l-emerġenza se tkompli tikber u taffettwa drastikament l-għajxien tagħna u ta’ dawk għeżież għalina.

Bernard Grech saħaq li l-Gvern Malti qed jaspira li jilħaq in-newtralità tal-karbonju mas-sena 2050, meta għandek pajjiżi ferm ikbar minn Malta qed iħarsu lejn is-sena 2035.

Minbarra li ser ikun qiegħed iressaq il-ħsibijiet tiegħu fi ħdan il-fora Ewropej, illum il-Kap tal-PN waqqaf core team fi ħdan il-Partit Nazzjonalista sabiex mill-aktar fis tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex din il-materja tant importanti għall-futur tagħna titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali.