L-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir jindika li Net Television fl-aħħar ħames xhur kompla jżid l-udejnzi tiegħu, filwaqt li l-istazzjon tar-radju Net FM u s-sit NetNews.com.mt ukoll komplew jissaħħu. B’kuntrast, il-media tal-Partit Laburista qed tnaqqas fil-popolarità.
Iċ-ċifri maħruġa llum jindikaw li meta wieħed iqabbel mal-aħħar stħarriġ, Net TV żied l-udjenzi tiegħu b’żewġ punti perċentwali. One TV minn naħa l-oħra naqqas l-udejnzi minn 23% għal 21.5 fil-mija.
L-istampa li jagħti l-BA turi li l-bulettin ta’ Net News fl-aħħar xhur kompla jissaħħaħ. Dan grazzi għall-kwalità li qed joffru l-ġurnalisti tagħna, l-aħbarijiet esklussivi u l-istejjer investigattivi li nwasslu minn jum għall-ieħor.
Mar tajjeb ħafna anke l-programm ta’ diskussjoni NETLIVE illi f’Mejju irreġistra udenzi b’saħħithom ħafna. Tant li fi tliet ijiem minn ħamsa, dejjem jaqbeż il-programm ta’ propaganda li jxandar il-One fl-istess ħin.
Programmi oħra li marru tajjeb ferm fil-faxxa tagħhom kienu The Entertainers, Family Affair u Kikkra Te’.
L-udenzi tal-media Laburista tnaqqru anke fejn jidħol ir-radju. L-istazzjon tar-radju Laburista naqqas b’żewġ punti perċentwali, u Net FM minn naħa l-oħra żied b’1.5%. Fuq id-DAB, Net FM jinsab fit-tielet post wara l-Bay u l-Vibe.
Anke fejn jidħlu aħbarijiet online, dan is-sit qed ikompli jissaħħaħ u jikber fil-popolarità jum wara l-ieħor. Dejjem skont l-istħarriġ tal-BA, is-sit NetNews.com.mt tela’ fil-ħames post fost dawk li jsegwu programmi online. Filwaqt li l-website tal-One niżlet fl-aħħar post; l-inqas li jfittxuha nies.
Dan l-istħarriġ jindika biss stampa ta’ kif inhuma imqassmin l-udjenzi. Fl-verità, statistika li għandu f’idejh Net Television tindika – b’mod reali – li n-numri tal-udjenzi f’ċertu faxex iħabbtuha sew mal-kompetituri, u huma ferm aħjar minn dak li juri s-survey tal-BA. B’Net Television għandu postu bħala l-aqwa stazzjon kummerċjali f’pajjiżna.
//= $special ?>