Huwa Sean Borg il-kantant rebbieħ tal-45 edizzjoni tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija L-Għanja tal-Poplu, li l-finali tiegħu saret is-Sibt li għadda filgħaxija fi Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joe Brown. Il-festival, li għalih daħlu 178 kanzunetta, kellu preżentazzjoni ta’ Ray Calleja.
Il-kanzunetta ‘Fuq L-Ixkaffa’ interpretata minn Sean Borg fuq kliem u mużika ta’ Philippa Naudi u Bettina Muchmore rebħet l-ewwel post.Il-kanzunetta rebbieħa tagħti leħen lill-ħsibijiet ta’ dawk kollha li xi darba jew ohra ħassew li ma setgħux jesprimu lilhom infushom.
Il-kanzunetta ‘Is-Sirena Li Welldet it-Tama’, kantata minn Haley Azzopardi u miktuba minn Paul Ellul, b’mużika ta’ Mark Spiteri Lucas, ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Il-kanzunetta tiddeskrivi l-atmosfera waqt iċ-ċirkostanza traġika tal-mewt ta’ Miriam Pace li ntradmet taħt it-terrapien ta’ darha stess.
Il-grupp MeadowStrings, magħmul minn Mario Camilleri u Magdalene Farrugia, rebħu t-tielet post bil-kanzunetta ‘Niftakar’ fuq kliem u mużika tagħom stess. L-għanja tal-grupp hi ispirata minn emozzjonijiet ta’ mħabba. Il-grupp MeadowStrings rebħu wkoll il-premju għall-aħjar kantawtur.
Il-premju għall-interpretazzjoni ntrebaħ mill-aħwa Dario u Grecia Bezzina bil-kanzunetta ‘Il-Bajtar Sar’. Miktuba minn Rita Pace u b’ kompożizzjoni ta’ Dario stess, il-kanzunetta titkellem fuq ir-relazzjoni ta’ koppja hekk kif jgħaddi ż-żmien.
Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Laurence Zammit bil-kanzunetta ‘Se Nirranġaw’, interpretata minn Dominic Cini u Anna Azzopardi. Din il-kanzunetta fiha battibekk bejn koppja bi twemmin politiku differenti imma li fl-aħħar jirranġaw.
Il-mistiedna speċjali kienet Marilyn Aquilina, ir-rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020 li interpretat il-kanzunetta tagħha ‘Jien u Int’ akkumpanjata mill-kitarristi David Baldacchino u Luke Deguara.
Il-kumitat ta’ L-Għanja tal-Poplu ta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Enzo Gusman għas-sehem siewi tiegħu fil-kamp tal-kanzunetta Maltija. Enzo għadda messaġġ lill-udjenza li segwiet il-festival permezz ta’ kollegament skype mill-Kanada.
L-Għanja tal-Poplu hu megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Valletta Cultural Agency.
//= $special ?>